Mara ta’ sustanza

L-Editorjal tal-ILLUM

Qed ngħixu fi żmien fejn dak li jlellex jgħodd. Tgħodd id-dehra mhux is-sustanza. Jgħodd il-kliem sabiħ u poetiku, li minkejja li nafu li politikament ifisser ftit, xorta nibqgħu nemmnuh. Qed ngħixu fi żmien fejn mara tiġi ġġudikata, l-ewwel u qabel kollox fuq id-dehra, imbagħad wara, u forsi, fuq dak li kapaċi toffri. Qed ngħixu fi żmien fejn niftaħru bil-ġid filwaqt li persuna tmut fuq il-bankini tagħna. U nħarsu n-naħa l-oħra, nonfħu t-traġedja lil hinn minna, daqslikieku mewt agħar minn ta’ kelb ma tolqotniex, ma tfisser xejn, ma tikkonċernaniex. Naturalment dalgħodu iżda, mmorru nibilgħu l-ostja u nħabbtu fuq sidirna. Sfortuna li sirna miżruħin u mtarrxin għal klassi sħiħa ta’ nies madwarna, li nippretendu li ma jeżistux, għax differenti u diversi.

Nhar il-Ħadd li ġej, infakkru t-twelid ta’ Ġesù, f’maxtura, fil-faqar u fix-xejn. Waqt li nagħmlu hekk, xi kultant ninsew il-foqra ta’ madwarna, inħarsu lejhom bis-suspett, qishom ħallelin tas-sistema. U ninsew li madwarna jeżistu ħallelin akbar u nies li lesti jduru mas-sistema biex ma jħallsux it-taxxa jew li jabbużaw minn xi ‘toqba’ legali biex ikunu jistgħu jħallsu lill-ħaddiema iċ-ċiċri.

Fid-dawl ta’ dan, id-diskors tal-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca, qawwi u b’saħħtu ħafna, wera li fost il-klassi tal-mexxejja f’pajjiżna għadhom jeżistu nies b’sinsla, nies bi prinċipji u nies li għalihom l-ewwel u qabel kollox u fiċ-ċentru ta’ kollox, jibqa’ l-bniedem.

Coleiro Preca ma beżgħetx titkellem favur id-dinjità ta’ kull bniedem u kontra l-kastig lil 24 persuna li wara snin jgħixu pajjiżna se narmuhom ’il barra għax m’għandhomx biżżejjed riżorsi. Tuża l-podju li tkellmet minn warajh mhux biss biex titkellem kontra r-razziżmu, imma wkoll biex isservi ta’ tarka għal dawk l-individwi kollha, fil-passat u preżent, Nazzjonalisti, Laburisti jew switchers, li kellhom ħajjithom imperrċa fil-pubbliku, ivvilifikati u li kellhom kampanja maħmuġa u mafjuża diretta lejhom, sempliċiment biex tfarrakhom għax iżommu mal-partit l-ieħor. Marie Louise Coleiro Preca biss f’dan il-pajjiż kellha l-kuraġġ tiftaħ ħalqha u tikkundanna dak li huwa intrinsikament kundannabbli, anti-Kristjan u anti-demokratiku. Ħaddieħor ma qal xejn u baqa’ fommu sieket u ħaddieħor malli tela’ fil-Gvern, wara snin jiskrupla bil-vjolenza psikoloġika ta’ ħaddieħor, fetaħ blog ukoll. Ħalli l-odju li ntefa’ fuq naħa, issa tintefa’ fuq in-naħa l-oħra.

Dik politika ta’ prinċipji! Politika ta’ tpattija fejn l-odju tiegħi niġġustifikah għax ħaddieħor għamel l-istess. Il-fatt li l-President tar-Repubblika kellha l-kuraġġ li titkellem u tkun iebsa fi kliemha, ipoġġiha fuq pedestall ogħla, fuq art morali ħafna aktar elevata.

Id-diskors tal-President tkellem dwar il-ħaddiem, dwar l-importanza ta’ ħaddiema li jitħallsu kif inhu xieraq u ssottolinea l-bżonn li nkomplu niġġieldu l-faqar. Il-President tkellmet ukoll dwar l-ambjent, mhux minn aspett purament politiku, imma kif l-effett tal-ambjent qed ibiddel il-ħajja tal-familji u tat-tfal, tat-tfal tagħna.

Dan l-editorjal mhux xi wieħed li jħalli wisq toroq lixxi u li jinċensa, imma dan il-Ħadd ma stajniex ma nagħmlux eċċezzjoni, mhux meta l-Kap tal-Istat laqtet kull kwistjoni li dwarha din il-gazzetta tħossha ppassjonata. Mid-dritt tad-dinjità, għas-solidarjetà, għall-bżonn li jiġu indirizzati problemi relatati ma’ kirjiet, suġġett li beda jiġi diskuss fuq il-paġni tal-ILLUM. Mir-rispett u ħlas ġust lill-ħaddiem, il-ġlieda kontra l-faqar, il-valur soċjali, komunitarju u individwali tal-ambjent għall-għajta tagħha kontra l-abbuż fuq vittmi ta’ vjolenza domestika.

Dan huwa dak li nemmu aħna bħala gazzetta u minkejja kull kritika u kull timbru li jkun hemm min jagħti, dan huwa li nemmnu aħna. Inħossuna kburin li fuq in-naħa tax-xellug, u għalhekk tal-ġustizzja soċjali u fuq in-naħa tal-poplu, hemm l-aktar mara importanti f’dan il-pajjiż. Mara ta’ sustanza, li frankament, tirrendi ħafna mill-irġiel li għandna fil-Parlament sempliċiment dellijiet. 

Kellu raġun biex ibigħ Joseph Muscat meta mal-ħatra tagħha bħala President qal li din kienet “telfa għall-Partit Laburista, imma rebħa għall-pajjiż.” Fil-fatt, ma setax poġġieha aħjar.  

More in Blogs