L-Unjoni Ewropea mhijiex ippreparata

L-MPE Maltija Miriam Dalli dwar l-attakki fi Brussell u dak li jeħtieġ isir 

Din id-darba l-bombi splodew fi Brussell, il-kapitali amministrattiva tal-Unjoni Ewropea. Ħallew madwar tletin persuna mejta u għexieren midruba. L-ajruport, fejn seħħ l-ewwel attakk, ingħalaq. It-toroq fil-limiti tal-istazzjon tal-metro fejn seħħ it-tieni attakk, waqgħu f’sikta kbira. 

Fost il-mistoqsijiet li saru u nassumi li se ndumu biex insibu risposta għalihom hemm: Kif l-Istat Iżlamiku, liema għadqa refgħet ir-responsabbiltà tal-attakki li seħħew f’Pariġi u issa fi Brussell, reġa’ rnexxielhom jinfiltraw u jattakkaw? Hija kumbinazzjoni li dawn l-attakki seħħew ftit jiem wara li ġie arrestat Salah Abdeslam, dak li qed jingħad li huwa l-aħħar terrorist b’konnessjoni mal-attakki f’Pariġi? 

L-UE teħtieġ li ddaħħal miżuri komuni li jistgħu verament jiġġieldu t-terroriżmu filwaqt li l-Istati Membri individwali għandhom bżonn isaħħu s-sigurtà fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Nhar it-Tlieta, il-Ministru Franċiż għall-Intern, Bernard Cazeneuve, ħabbar li 1,600 pulizija ġew stazzjonati mal-fruntieri tal-pajjiż u ċ-ċentri ta’ trasportazzjoni. Il-Ġermanja wkoll ħabbret li se ssaħħaħ is-sigurtà fil-fruntiera tagħha mal-Belġju. Imma din mhijiex kwistjoni ta’ fruntieri biss. L-aktar ħaġa faċli huwa li l-pajjiżi individwali jagħlqu l-fruntieri tagħhom. Iżda, fl-opinjoni tiegħi, l-aktar soluzzjoni li tista’ tagħmel differenza hija l-introduzzjoni ta’ miżuri li jsaħħu l-koperazzjoni bejn l-Istati differenti fejn ikun hemm it-tqassim ta’ data dwar movimenti suspettużi ta’ persuni li allegatament huma involuti fi ċrieki ta’ terroriżmu.

L-Istati Membri tal-UE għadhom iridu jdaħħlu fis-seħħ l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà li kienet adottata mill-Kummissjoni Ewropea f’April li għadda. Din id-direttiva għandha l-għan li ttejjeb il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE fejn tidħol il-ġlieda kontra t-terroriżmu u tikkriminalizza attivitajiet, inkluż vjaġġar għal raġunijiet ta’ terroriżmu. 

Fl-istess waqt għandna sitwazzjoni fejn id-direttiva dwar il-PNR (passenger name record) qed titħalla mwaħħla mingħajr ma jsir progress fuqha. Din id-direttiva tirrikjedi li d-data ta’ passiġġieri bl-ajru tinżamm maħżuna għal tul ta’ żmien biex ikunu identifikati persuni li jistgħu jkunu kriminali jew terroristi. Il-problema hi li hawnhekk qed nitkellmu dwar informazzjoni tiegħi u tiegħek, li nkunu qed nivvjaġġaw. Ifisser li hemm bżonn ta’ qafas legali ċar ta’ kif din id-data tinżamm u tiġi użata. Huwa fatt li d-direttiva tal-PNR tista’ tgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, però ċertament li mhijiex is-silver bullet, jekk tiġi introdotta waħedha. Jidher bl-aktar mod ċar li hemm bżonn ta’ koperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri. Fl-istess waqt huwa meħtieġ li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data jidħlu mingħajr dewmien għax dawn ir-regoli joffru qafas legali dwar kif din id-data tista’ tinżamm u tingħata. Permezz ta’ dawn il-miżuri, l-Ewropa tista’ twitti t-triq biex toffri aktar sigurtà liċ-ċittadini tagħha.

Fid-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar it-terroriżmu hemm żewg aspetti li ħafna drabi jintilfu fl-estremità tad-diskussjoni li tkun qed issir. Irridu nkunu ċari u l-persuni li jwettqu dawn l-attakki nsejħulhom terroristi - m’hemmx isem ieħor li jista’ jiddeskrivi l-atroċitajiet li jagħmlu. Fl-istess waqt irridu nikkunsidraw il-fatt li għandna soċjetajiet li jwarrbu għal kollox sezzjonijiet sħaħ ta’ persuni mingħajr ma’ joffrulhom tama għall-futur. Dawn il-persuni jisspiċċaw jilagħbu f’idejn gruppi terroristiċi li jsibuha faċli jirradikalizzawhom u jikkonvinċuhom iwettqu l-agħar attakki lejn bnedmin oħra bħalhom.

Dan kollu jfisser li mhux biżżejjed li nħarrxu l-miżuri ta’ sigurtà. Jeħtieġ li nagħrfu x’qiegħed iwassal ċittadini Ewropej, ħafna minnhom żgħażagħ, jissieħbu mal-Istat Iżlamiku. Dawk li wettqu l-attakki kienu żgħażagħ imwielda fl-Ewropa u ħafna minnhom għexu ħajja ta’ faqar f’żoni fejn joqogħdu l-minoritajiet Musulmani. Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fl-Amerka, il-fiduċja tal-Musulmani fl-awtoritajiet Ewropej hija baxxa. 

Sadanittant huwa fatt li mhux kulħadd qed jiġbed ħabel wieħed. Każ evidenti hija il-kampanja biex ir-Renju Unit ma jibqax fl-UE. Dawk favur il-Brexit qed jargumentaw li b’fruntieri miftuħin, ħajjet iċ-ċittadini Ewropej tkun fil-periklu. Iżda dan huwa l-mument fejn hemm bżonn ningħaqdu u nibqgħu ffukati. 

Tħassibt meta qrajt il-kummenti ta’ żewġ kandidati għall-Presidenza tal-Amerka, Donald Trump u Ted Cruz li appellaw għal miżuri li jwasslu biss għal biża’ u paniku. Bidla fis-sigurtà, l-introduzzjoni ta’ liġijiet u prattiċi differenti fl-investigazzjonijiet huma neċessarji. Iżda dawn għandhom isiru b’għaqal, wara dibattiti serji u fl-istess parametri mal-liġi u d-drittijiet ċivili.

L-għadu komuni għandu jkun it-terroriżmu. L-atti barbari mhux qed isiru biss mill-Baħar l-Iswed ’il ġewwa. Il-militanti qegħdin iwettqu l-attroċitajiet minn Boko Haram fin-Niġerja sal-Jemaah Islamiyah fl-Indonesja. Jeħtieġ li nsibu tarfhom billi ssir ħidma internazzjonali u l-komunità internazzjonali tingħaqad kontra dan l-għadu komuni.

More in Blogs