Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Films | Dak kollu li tistgħu taraw fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Dak kollu li se taraw fiċ-ċinema din il-ġimgħa...

Carmel Bonnici / 5 ta' Frar 2018 19:05
Il-Film Maze Runner
Maze Runner: The Death Cure

Atturi Ewlenin: Dylan O'Brien; Kaya Scodelario; Thomas Sangster-Brodie; Will Poulter; Aidan Gillen.

Direttur: Wes Ball.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 142 min.

Ċert. 12A

Kast ta' żgħażagħ b'talent u storja ta' eċitament kontinwu kienu r-raġuni ewlenija l-għaliex iż-żewġ films, ‘The Maze Runner’ u ‘The Maze Runner: The Scorch Trials’, ibbażati fuq in-novelli ta' James Dashner, li attiraw miljuni ta' adoloxxenti minn madwar id-dinja. Il-produzzjni ġdida, ‘Maze Runner: The Death Cure’ tagħlaq din it-triloġija b'manjiera spettakulari u elaborata. Wara li ħarbu mil-labirint mimli nases biex spiċċaw f'art selvaġġa bil-wiċċ maħruq, fejn xejn ma jgħix, jiskopru l-għaliex l-organizzazzjoni li sakkrithom qabel, magħrufa bħala WKCD kienet se tużahom bħala suġġetti għall-esperimenti mediċi biex jinstab fejqan għall-infezzjoni ‘The Flare’ li qed tbiddel lil dawk milquta f'zombis. Dawn il-kuraġġużi taħt it-tmexxija ta' Thomas (O'Brien) issa jridu jinvadu l-kwartieri fortifikati tad-WKCD biex jeħilsu lil ħabibhom, Minho (Hong Lee) u lill-oħrajn diġà maqbudin. L-attakk jirriżulta f'kaos kbir sfrenat, b'ġiri ma' diversi kuriduri twal u labirinti oħra b'nases fatali. ‘The Death Cure’ barra li jħallik bla nifs bl-azzjoni spiissa li fih, hu mfawwar b'effetti speċjali viżivi ta' katastrofu fuq skala kbira. B'dan il-film ta' xeħta epika, din it-trijologija waslet fit-tmiem tagħha b'manjiera grandjuza.

Florida Project
The Florida Project

Atturi Ewlenin: Willem Dafoe; Brooklynn Prince; Bria Vinaitre; Valeria Cotto; Christopher Rivera.

Direttur: Sean Baker.

Maħruġ minn KRS Releasing. 112 min. Ċert. 15

Film li mort narah b'nofs qalb, b'nuqqas ta' entużjażmu u nteress, minħabba t-tema dipressanti tiegħu ta' żewġ transvestiti jħufu 'l hawn u 'l hinn f'Los Angeles f'lejliet il-Milied, kien ‘Tangerine’. Sorprizament, ħriġt miċ-ċinema kuntent u altru milli sodisfatt, bil-mod tassew ezileranti u kultant anki komiku kif zvolga. Fix-xogħol tiegħu ta' warajh, ‘The Florida Project’, id-direttur Sean Baker tassew issupera u eccella lilu nniffsu. Ftit mill-atmosfera tal-ewwel film li semmejt tirrepeti ruħha f'din il-produzzjoni verament reali u anki allarmanti, iżda wkoll b'manjiera pjaċevoli kif murija mill-għajnejn ta' tliet itfal żgħar. F'subborg ta' Orlando, Florida, jinsab l-aktar post ta' divertiment, fantasija u xalar fid-dinja - Disneyland. Jekk wieħed jaqsam it-triq isib The Magic Castle Motel, isem verament ironiku għax f'dan l-istabbiliment mhux turisti jalloġġaw, imma familji mill-aktar fqar, jew imkissrin u li kultant m'għandhomx għaxja ta' lejla, Fost dawn hemm Halley (Vinaitre), tfajla mimlija tattoos, bla xogħol, sikwit tipprova tisloħ il-flus u affarijiet oħra minn hawn u minn hemm u bintha Moonee (Prince), tifla ta' sitt snin li, f'kull okkażjoni, l-mizerja u d-diffikultajiet ta' madwarhom iddawwarhom f'logħob ma' ħbiebha. Ilaħħaq ma' kulħadd, b'kalma kbira, perseveranza u tattika insibu l-enerġetiku Bobby (Dafoe), il-maniġer utli tal-post. Moonee u ż-żewġ sħabha oħrajn se jgħaddu sajf mill-aqwa minkejja s-sagrifiċċji li jinqalghu It-tifla Brooklynn Prince barra li hi naturali ħafna hi wkoll meraviljuża. Ħrafa bi qrusa u ħlewwa, film mill-aktar kommoventi u uniku għat-tip tiegħu. Minn qalbi nħeġġiġkom tarawh! Okkażjoni rari!!

Den of Thieves

Atturi Ewlenin: Gerard Butler; Pablo Schreiber; Curtis ‘50 Cents’ Jackson; Evan Jones; O'Shea Jackson Jr.

Direttur: Christian Gudegast.

Maħruġ minn KRS Releasing. 140 min. Ċert. 15.

L-istatistika tinfurmana illi Los Angeles hija l-belt kapitali tad-dinja fejn l-aktar li jsir serq mill-banek. Hu stmat li assalti fuq xi bank iseħħu kull 48 siegħa b'total ta' kważi 44 serqa fil-ġimgħa. ‘Den Of Thieves’ huwa thriller potenti dwar il-kriminalità f'Los Angeles. B'mod dettaljat, dan il-film jiffoka fuq il-ħajja ta' kuljum li tintegra bejn diversi persuni li jiltaqgħu u jaġixxu flimkien, iżda li jinsabu fuq in-naħat opposti tal-liġi. Fuq naħa waħda nsibu l-grupp tant abbli tal-pulizija tad-Dipartiment tal-L.A. County Sheriff u mill-banda l-oħra l-aqwa gang ta' ħallelin, li tant għamlu suċċess, u qed jippjanaw serqa inkredibbli, tant maħsuba u elaborata mill-Federal Reserve Bank tan-naħa t'isfel tal-belt. Fit-taqtiga ta' dawn iż-żewġ gruppi avversarji, b'mexxejja tant kapaċi, bħal ‘Big’ Nick O'Brien (Butler) fuq in-naħa tar-Regulators u mill-kawtiel u tassew attent Ray Merriman (Schreiber), il-kap tal-Outlaws li għadu ħiereġ mill-ħabs, ir-regoli se jinkissru f'final splussiv. Il-qofol ta' dan il-film jiżvolġi lejn l-aħħar b'serqa tassew maħsuba bil-għaqal li tieħu aktar minn nofs siegħa. O'Shea Jackson Jr., wieħed mill-Outlaws hu t-tifel ta' Ice Cube (ismu propja O'Shea Jackson) u verament jixbhu.

Early Man

Vuċijiet Ewlenin: Eddie Redmayne; Timothy Spall; Tom Hiddleston; Maisie Williams; Miriam Margolyes.

Direttur: Nick Park.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 89 min.

Ċert. P.G.

Mingħand il-kumpanija Ingliża minn Bristol, Aardman Studios jasal film ieħor animat ta' pupazzi b'ħalq imċarrat u bi snien sporguti, ‘Early Man’. Ambjentat fi zmenijiet preistorici, wara li d-dinosawri sparrixxew, dan il-film bil-proċess ‘stop-motion’ u ‘claymation’, jiffoka fuq Dug (vuċi ta' Redmayne), tfajjel kuraġġuż li jgħix f'għar flimkien ma' membri oħra eccentrici, però tassew baħbuħa, taħt il-ħakma tal-kap Bobnar (Spall). Meta għadu qawwi li għandhom il-kapaċità li jimmanifatturaw oġġetti tal-metall (bronż), jinvadu l-wied ta' Dug, it-tfajjel jinqabad priġunier u jeħduh fil-belt tagħhom, Bronze Age Town. Hemm, jagħmel ħabib ma' Goona ( Williams), tfajla fuq tagħha li tbigħ it-taġnijiet tal-bronż. Magħha jsib ruħu ġo arena kbira mimlija nies storbjużi jaraw logħba bil-ballun. Biex jitħalla jmur lura lejn daru, Dug jisfida lit-tim ta' dawn, Real Bronzio għal partita futbol, b'Goona tħarreġ lil dawn il-primittivi. L-avventuri jkomplu għal dawn iż-żewġ eroj f'atmosfera elaborata ta' divertiment u spettaklu. ‘Early Man’ hu tassew addattat għaż-żgħar, b'andament ferrieħi matulu kollu, b'belt qisha xi stabbiliment Ruman u b'logħba futbol tassew farseska ispirata forsi mill-film Indjan, ‘Lagaan’ (hawn logħba ‘cricket’) li kien innominat għall-Oscar.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook