Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Mit-terremot sal-abbuż sesswali

L-aktar 20 storja li nqraw fuq l-illum.com.mt matul din is-sena

Albert Gauci Cunningham / 31 ta' Diċembru 2016 11:49
 

Is-sit illum.com.mt esperjenza l-aktar sena b’saħħitha mit-tliet snin li ilu jopera, bi stejjer varjati mill-ġurnalisti kollha li ħadmu fuqha primarjament John Busuttil, Veronica Lynn Mizzi u Ruben Anthony Xuereb, flimkien miegħi bħala tim. L-aktar stejjer popolari laħqu lill-eluf kbar ta’ nies li bosta minnhom ħallew kummenti u u reazzjonijiet. Mingħajr sorpriża, l-istejjer soċjali, tan-nies, ta’ dawk li jkunu għaddejjin minn esperjenzi pożittivi jew negattivi baqgħu l-aktar stejjer popolari.

L-aktar storja popolari għall-2016 kienet dik dwar SMS li kien bagħat Marco Cirone lill-maħbuba tiegħu Jolanda Inchingolo, vittma ta’ inċident ferrovjarju f’Bari. Fil-messaġġ hu qalilha ‘għidli li li tħobbni darb’oħra. Ċempilli. Fejn qiegħda?’

Issegwi tiġi l-istorja dwar il-fatt li l-Malta Union of Teachers (MUT) allegat li wieħed mill-agressuri li allegatament abbużaw mit-tifla fl-iskola tal-Ħamrun huwa t-tifel li nqabad tliet darbiet isuq bla liċenzja. Din l-istorja kienet parti mir-rappurtaġġ estensiv tal-illum.com.mt dwar l-allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali minn għalliem, flimkien ma’ grupp studenti subien, fuq xi studenti bniet fil-Liċeo tal-Ħamrun.

It-tielet l-aktar storja popolari matul din is-sena kienet dik esklussiva, tat-traġedja sfortunata li ħalliet lil DJ Lito bla ħajja nhar id-29 ta’ Mejju f’Bormla. It-temp jibqa’ suġġett popolari mhux biss mal-qarrejja tagħna, iżda ma’ bosta oħrajn. L-ewwel tbassiriet ta’ maltemp għal Settembru ġibdu ħafna qarrejja lejn is-sit, kif ġibdet eluf ta’ qarrejja storja dwar tfajla ta' 17-il sena li ġiet stuprata meta kienet fis-sakra waqt li sħabha ġibdu l-filmat, u bagħtuhulha. Il-każ seħħ f'diskoteka f'Rimini, l-Italja meta ġuvni mill-Albanija ħa lit-tfalja li kienet fis-sakra, fil-kamra tal-banju, u abbuża minnha waqt li hi ma kinetx f'pożizzjoni li tieħu deċiżjoni. It-tfajla skopriet x'kien ġara l-lejl ta' qabel meta l-għada, fetħet il-mobile tagħha u fuq Whatsapp issib filmat miġbud minn 'sħabha', tagħha qed tiġi stuprata.

Stejjer oħrajn li kienu popolari ħafna u li kienu segwiti minn eluf ta’ qarrejja kienu dawk dwar Marina Abramovich li qalet li għamlet abort tliet darbiet biex issalva l-karriera, hekk kif issostni li dawn huma ‘diżastru’. Issegwi kien hemm il-kummenti u ċaħda pjuttost irrabjata tal-Kap tal-Iskola ta’ San Pawl il-Baħar Josette Dalmas għal storja f’sezzjoni oħra tal-midja li allegat li l-iskola qed twaqqaf lill-istudenti milli jieħdu ‘lunch’ bil-perżut minħabba studenti Musulmani.

In-nuqqas ta’ ilma, mara li spiċċat b’gidma ta’ serp hi u tilgħab il-Pokémon, long weekends fl-2017, l-Istrina u l-prodotti taż-żejt mhux eżattament ġenwini mingħand il-LIDL kienu fost l-aktar 20 storja li nqraw matul l-2016.

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook