Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Dmirna li nżommu l-lingwa ħajja u vibranti'

Il-President Marie Louise Coleiro Preca titkellem dwar l-importanza li nżommu l-lingwa Maltija ħajja

Albert Gauci Cunningham / 6 ta' Settembru 2016 18:47
Biex jitfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Litteriżmu, ilbieraħ l-Uffiċċju tal-President u l-għaqda mhux governattiva VersAgħtini, organizzaw serata mużiko-letterarja li serviet ukoll biex jitfakkar il-ħamsin sena anniversarju tal-Moviment Qawmien Letterarju.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li tinsab konvinta li hemm il-ħtieġa biex dak li għamlu ħamsin sena ilu l-fundaturi ta’ dan il-moviment, “inkomplu nsostnuh, għax il-lingwa tagħna ma tistax tintilef, tagħtina l-identità, aħna fejn aħna.” Il-President Coleiro Preca ġabet l-eżempju taż-żjara tagħha fl-Awstralja ġimgħat ilu, fejn tkellmet dwar il-ħeġġa li għandhom il-Maltin u d-dixxendenti Maltin fl-Awstralja sabiex iżommu ħajja l-lingwa Maltija permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi f’diversi skejjel tal-lingwi u fiċ-ċentri tal-komunitajiet Maltin.

Fl-aħħar nett, il-President saħqet li “huwa d-dmir tagħna li bħal kif għamlu l-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju ħamsin sena ilu, inżommu l-lingwa Maltija ħajja u vibranti, lingwa li tidentifikana, lingwa li tassew tagħmilna kburin li aħna Maltin”.

Waqt din is-serata taw il-kontribut tagħhom numru ta’ poeti u awturi, fosthom Paul P. Borg, Charles Coleiro, Alfred Degabriele, Victor Fenech, Charles Flores, il-Professur Oliver Friggieri u l-Imħallef Emeritu Philip Sciberras. Permezz tal-poeżija ‘Irrid Inkun Waħdi biex Nibki’, li nqrat minn Miriam Cassar, tfakkret il-memorja ta’ Doreen Micallef Critien, filwaqt li s-serata rat ukoll is-sehem ta’ Maria Grech Ganado u Marlene Saliba. Din il-letteratura ngħaqdet ma’ leħen il-kantanta Merga u mal-mużika tal-kantawtur u kitarrist Mario Debono.

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook