L-IĠM tintervjeni bejn it-Times u l-Orizzont

....imma kollox jibqa’ kif kien

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, permezz taċ-Ċermen Karl Wright, matul il-ġimgħa li għaddiet kellha tintervjeni b’mod informali biex ittaffi ftit mit-tensjoni li nħolqot bejn żewġ kmamar tal-aħbarijiet, jiġifieri dik li tippubblika l-gazzetta tal-GWU, l-Orizzont u dik li tippubblika t-Times of Malta.

Mal-ILLUM Wright ikkonferma dan u saħaq illi l-intervent min-naħa tiegħu sar wara li t-tensjoni bejn iż-żewġ gazzetti kkulminat f’editorjal partikolari fuq il-gazzetta tal-GWU li għalih l-editur tas-sit timesofmalta.com Hermann Grech irreaġixxa bil-qawwi. L-editorjal kien jgħid li ‘wara l-elezzjoni li jmiss imbagħad, ikun imiss id-daqqa t’oħrajn bħat-Times u l-Malta Independent biex il-poplu ma jkollu lil ħadd milli jtellfu fil-mixja tal-prosperità u l-progress.’

Grech, min-naħa tiegħu, qal illi l-argument tal-gazzetta huwa perikoluż u akkuża lill-Union Print illi rmiet l-irwol ċentrali tagħha “biex isservi ta’ pupazz ta’ partit biex tkun attakkata dar tal-midja oħra.”

Wright ikkonferma mal-ILLUM illi wara li nkiteb il-blog ta’ Grech hu għamel kuntatt mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u bagħatlu kopja tal-blog u tal-editorjal, bil-għan li “jkun hemm konverġenza u diskussjoni bejn iż-żewġ gazzetti, l-affarijiet jikkalmaw u ma jkomplux l-attakki.”

Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu illi fil-Union Print kien hemm ferment sħiħ hekk kif beda jiġri l-għidut illi t-tmexxija tal-GWU kienet qed tisforza lill-editur tal-Orizzont Josef Caruana biex jiffirma ftehim illi fih jintrabat li ma jibqax jikkritika lill-gazzetta The Times of Malta. Ma’ din il-gazzetta Wright iżda ċaħad, bl-aktar mod kategoriku, illi qatt kien hemm xi ftehim bil-miktub jew li tqabbad minn xi ħadd biex ikellem lill-GWU u sostna illi dak li għamel, għamlu fuq inizjattiva personali bħala ċermen tal-IĠM.

L-ILLUM hija infurmata wkoll li s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja wiegħed lil Wright li kien se jkellem lil Caruana dwar din is-sitwazzjoni, bl-editur iżda jżomm sod u jfakkar illi l-gazzetta għandha jkollha l-libertà li tesprimi lilha nnifisha kif tħoss li hu l-aħjar.

Meta kkunttatjat minn din il-gazzetta Josef Caruana ma xtaqx li jikkummenta, la dwar l-intervent tal-IĠM u lanqas dwar ir-reazzjoni tiegħu meta kien infurmat b’dan l-intervent.

L-ILLUM tinsab infurmata li minkejja dan l-intervent, jidher li ma kien hemm l-ebda żblokk u mhux pjanati li jsiru diskussjonijiet jew laqgħat bil-għan li ż-żewġ kmamar tal-aħbarijiet jersqu aktar lejn xulxin jew jaslu għal xi forma ta’ qbil.

 

More in Zekzik