Il-festi għaddejjin ġmielhom...........

Il-festa tal-Madonna ta' Loretu f'Għajnsielem
Il-festa tal-Madonna ta' Loretu f'Għajnsielem

Ġejjin ġejjin, u l-festi għaddejjin ġmielhom.  Ħarsa ħafifa lura minn meta bdew fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju, meta morna l-Munxar għall-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl u f’ħakka t’għajn ninsabu resqin lejn  l-aħħar jiem ta’ Lulju u l-bidu ta’ Awwissu,  meta għandna magħna l-festa ta’ Santa Margerita f’Ta’ Sannat li tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħadd 26 ta’ Lulju. Propju fil-bidu ta’ dil-ġimgħa ħa l-pussess l-Arċipriet il-ġdid li ħa post Dun Tarċis Camilleri li issa qed jokkupa l-post ta’ Vigarju Generali tad-Djoċesi Għawdxija wara li din il-kariga kienet fdata għal dawn l-aħħar sbatax-il sena, jekk ma niżbaljax, f’idejn l-Arċidjaknu Monsinjur Giovanni Bosco Gauci li nifraħlu għall-Paniġierku li niseġ lill-Qalb Imqaddsa ta’ Gesu fil-festa fil-Fontana. Għadna kemm ħriġna mill-festa popolari ta’ San Gorġ fil-belt Victoria li rat eluf ta’ nies joħonqu l-belt Victoria biex igawdu l-marċijiet, il-Purċissjoni u mhux inqas il-Pontifikal tal-Ħadd filgħodu li matulu niseġ kelmtejn tassew sbieħ u ppreparati s-saċerdot żagħżugħ Dun Richard N. Farruġia, iċ-ċeremonier tal-Isqof.  Naħseb li kienet deċiżjoni għaqlija li l-Isqof djoċesan, wara diversi snin jieħu l-inkarigu li jagħmel l-Paniġierku tal-festa issa ħalla f’idejn il-Kappillani biex jagħżlu l-predikatur għal din l-okkażjoni. Nemmen li l-Isqof dejjem wassal messaġġ ta’ fejda u attwali li min jaf kemm swielu ħin u preparazzjoni biex tgħaddi sajf sħiħ thejji dawn l-omeliji Ħadd wara Ħadd.  Imma kif jgħidu l-Ingliżi ‘Variety is the spice of life!’  Anke l-jiem tat-Tridu kellhom attendenza tajba u kienet ukoll għażla tajba tal-predikatur l-Arċipriet tal-Għarb Mons Jos Sultana b’personalita’ u vuċi li twassal.  Minn xi snin ‘l hawn it-tiġrijiet tal-bhejjem marbuta ma’ din il-festa qed isiru filgħaxija meta r-raġġi tax-xemx jibdew ibattu, u dan kien esperiment li rnexxa.  Kelma tal-aħħar:  ta’ livell u b’attendenza tajba kienu l-attivitajiet tal-Victoria International Arts festival li ta’ kull sena jsir bi thejjija għal din il-festa popolari fir-Rabat tagħna.

 

Wara tal-Qala tkun tmiss il-festa ta’ San Lawrenz (f’Għawdex dan hu l-uniku raħal imsemmi għall-qaddis patrun tieghu).  Hawnhekk il-Kumitat jorganizza ta’ kull sena il-Festival lawrenzjan li llum ħa isem għax issa ilu jsir għal diversi snin bil-parteċipazzjoni ta’ ħafna talent lokali.

 

Tfeġġ imbagħad Santa Marija, festa mill-kbar u l-belt Victoria diġa bdiet ixxidd l-ilbies tal-festa.  Fil-Ġonna pubbliċi ta’ Villa Rundle ssir il-Wirja popolari tal-Biedja, Sajd u Snajja u folol kbar jirrikorru għaliha waqt li l-President ta’ Malta taqsam il-Fliegu f’din l-okkażjoni biex tqassam il-premjijiet lir-rebbieħa parteċipanti.  Fl-Għid tal-Assunta, wara nofs inhar,  fi Triq ir-Repubblika jsiru wkoll it-Tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem u għadd ta’ dilettanti, Għawdxin u Maltin jimlew din it-triq ewlenija t’Għawdex.  Il-fabbriki jkunu bix-shut down u Għawdex tagħna jfur bil-Maltin li jiġu jgawdu l-festa u l-baħar.  Gżiritna tiehu gost bihom għax dawn jiġġeneraw ħafna kummerċ u magħhom jiekol kulħadd.  Ejjew u toqogħdux tistennew il-festa!  F’Malta l-istorja hija differenti għax dil-festa hi tant kbira, għażiża u popolari li fil-ħmistax t’Awwissu, mhux inqas minn seba’ lokalitajjiet ifakkru lill-Assunta waqt li ġimgħa wara,  tnejn oħra f’Malta flimkien maż-Żebbuġ tagħna mill-ġdid jagħmlu l-festa ta’ Santa Marija.  It-Titular fis-Santwarju Nazzjonali f’Ta’ Pinu wkoll huwa t-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna.  Fil-Mosta din is-sena se jfakkru l-40 sena tal-Inkurunazzjoni.

 

Santa Marija, il-festa ċċelebrata ir-Rabat apparti San Ġorġ il-Ħadd li għadda
Santa Marija, il-festa ċċelebrata ir-Rabat apparti San Ġorġ il-Ħadd li għadda

‘F’Awwissu l-baħar tibda tisma’ ħissu’ jgħid il-qawl Malti u xi taqliba tal-arja ġie li ġarrabna wkoll imma aħna nittamaw li t-temp ikun ħanin, u jħallina ngawdu l-festa ta’ Loreto f’Għajnsielem u mbagħad  dik tal-Vitorja  jew tal-Bambina fix-Xagħra.  Din tal-aħħar mhux biss tfakkarna fit-twelid tal-Madonna minn Sant Anna u San Gwakkin, imma teħodna wkoll lura lejn l-Assedju l-Kbir tal-1565 meta l-qawwa Torka kellha ċċedi u tagħtiha għall-ħarba quddiem l-kuraġġ li wrew il-Kavallieri ta’ San Gwann immexxija mill-qalbieni Gran Mastru Jean Parisot de La Valette flimkien mal-poplu Malti.  L-Otto Settembre tfakkarna wkoll fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija meta Malta sfat ħerba waħda u tilfet ħafna minn uliedha.

 

Il-kalendarju tal-festi f’Għawdex jagħlaq bil-festa ħelwa tal-Madonna tal-Grazzja għand il-Patrijiet Kapuċċini li għandhom il-knisja u l-kunvent hekk kif tħalli r-Rabat u taqbad it-triq lejn Marsalforn.  Il-banda cittadina Il Leone tieħu sehem u dawk kollha li jgħixu f’dawn l-inħawi arahom jingħaqdu ħaġa waħda madwar il-Patri Gwardjan biex jagħmlu festa ħelwa li tkun tinkludi wkoll ġirja jew aħjar pellegrinaġġ bir-roti minn Ta’ Pinu sa fuq iz-zuntier tal-Kappuċċini. 

More in Zekzik