Libset il-kuruna għal protezzjoni iżda mhux għal gidma tal-brama

Għumha li ħaditilha tliet sigħat f'baħar b'riħ li laħaq forza 6

MICHELLE Muscat għamlitha u nhar is-Sibt rnexxielha tgħum il-fliegu għall-karità. Żgur u mhux forsi li kienet sfida mill-aktar diffiċli hekk kif il-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat kellha tgħumf ’ibħra li kienu mqallbin u riħ li kien qed jiżdied mal-ħin biex laħħaq anke l-forza 6 f ’xi ħinijiet. Meta tkellimt magħha wara l-għawma fil-fatt qaltli li hi waqt it-taħriġ kienet għumot f'baħar b'riħ forza 4 iżda qatt ma kienet esperjenzat forza 6.

Meta mistoqsija minn l-ILLUM għalfejn libset kuruna tar- rużarju hija qalet li dan għamlitu għall-protezzjoni. U għalkemm irnexxielha tasal sal-kosta Maltija qawwija u sħiħa, l-kuruna xorta ma pproteġithiex minn gidma ta’ brama. Muscat qalet li hi tant tħobb il-baħar, fil-fatt qattgħet ħafna minn żgħożita ħdejn il-baħar, li gidma ta’ brama ma tantx kienet se ddejjaqha għax kienet drat waqt it-taħriġ bil-bram imiss magħha.

Muscat bdiet l-isfida tagħha għal kawża ġusta minn Għawdex minn fejn kienet akkumpanjata minn diversi bċejjeċ tal-baħar u persuni tas-sigurtà illi għamlu fiċ-ċert li Muscat tibqa’ għaddejja bl-isfida sal- aħħar. Iżda mart il-Prim Ministru dehret li kienet preparat sew għal din l-isfida u l-istamina li bniet f ’dawn l-aħħar ġimgħat għenet sew biex setgħet tilħaq il-mira tagħha. Fil-fatt hija fakkret lil dan il-ġurnal li kienet ilha għaddejja titħarreġ minn Novembru u rringrazzjat lil coaches tagħha li huma l-coaches professjonali tal-għawwiema tal-ispecial olympics, lil ħbieb tagħha li bard u xita dejjem kienu jmorru magħha titħarreġ u anke lis-suldati tal-forzi armati li fil-ħin liberu tagħhom kienu jinżlu jgħumu magħha waqt it-taħriġ.

Michelle Muscat sabu jistennewha numru ta’ nies u ammiraturi imma mal-ILLUM b’ċerta kburija qalet illi “l-ewwel tgħanniqa ħadtha mingħand żewġi Joseph u ż-żewġ uliedi”.

More in Zekzik