Google jagħti ċans ieħor lil min jibgħat email bi żball

L-utent għandu sa 30 sekonda biex jirtira l-email li jkun għadu kif bagħat

Forsi ħafna minna huma familjari mas-sensazzjoni li tħoss meta tibgħat xi email bi żball lil xi ħadd, jew inkella li tibghatha lill-persuna l-ħażina; jew saħansitra meta fir-rabja tal-mument tiddeċiedi li tibgħat email, iżda jibda jiddispjaċik ftit tas-sekondi wara.

Issa permezz tal-Gmail, is-servizz tal-emails ta' Google, tista' tirtira l-email tiegħek lura. Din il-possibilità propjament ilha  disponibbli għal snin sħaħ, iżda mhux wisq nies taw kasha s'issa. Il-funzjoni ma tisparixxix l-email li tkun bgħatt bħal donnu b'maġija mill-inbox tar-riċevitur, iżda ttik ftit tas-sekondi żejjed qabel ma l-email tkun intbagħtet darba għal dejjem.

Kif tista' tagħmel dan kollu? Billi tmur fis-settings li ssib taħt fejn għandek ir-ritratt tiegħek, fejn hemm tingħata l-possibilità biex tattiva din il-funzjoni, msejħa "Enable Undo Send", fejn imbagħad tkun tista' tagħżel kemm għandek sekondi biex jirnexxielek tirtira l-email tiegħek, jekk hux 5, 10, 20 jew 30 sekonda.

B'hekk, darb'oħra li tkun se tibgħat email se tinduna li hemm l-għażla li tagħfas "undo" eżattament kif tibgħat l-email tiegħek. B'hekk jekk tkun jew iddispjaċik li bgħattha, jew indunajt b'xi żball, għandek ċans ieħor sabiex terġa' ddur l-email tiegħek u tirrevediha, qabel ma terġa' tibgħatha.

Din il-funzjoni għandha l-limitazzjonijiet tagħha - fejn ma tistax issalvak wara aktar minn 30 sekonda wara, iżda tista' ssalvak f'każ li tinduna li dik l-email verament ma ridtx tibgħatha lil dik il-persuna, jew li ħadt xi żball, issa għandek ċans ieħor.

More in Zekzik