Magħruf ġmielek kullimkien - Malta is-37 pajjiż l-aktar kuntent

L-aktar pajjiż kuntent jidher li qed tagħmillu tajjeb iċ-ċikkulata - jew l-ekonomija tajba
 

Ingergru kemm ingergru dwar Malta, ma jidhirx li ngergru biżżejjed! Jew tal-anqas, m'għandnix għalfejn ingergru daqshekk. Malta tikklassifika bħala is-37 pajjiż l-aktar ferħan madwar id-dinja. Dan ovvjament, mhux skont dak li qiegħed jingħad għand tal-grocer, imma skont it-tielet Rapport Dinji dwar il-Kuntentizza, fejn tim internazzjonali ta' ekonomisti, newroxjentifiċi, u statisti jaraw liema pajjiż huwa tassew l-aktar ferħan.

Jidher li ċ-ċikkulata u l-arloġġi qed jagħmlilhom tajjeb fl-Iżvizzera, hekk kif dan ir-rapport jidher li l-Iżvizzera qiegħed fil-quċċata tal-lista. Dan hu pajjiż li għandu waħda mill-aħjar ekonomiji, kura tas-saħħa b'saħħtu, wieħed mill-aħjar sistemi edukattivi, ambjent għax-xogħol mill-aqwa u fuq kollox magħrufin għal kemm dejjem iżommu pożizzjoni newtrali.

Warajhom insibu l-Iżlanda, id-Danimarka, in-Norveġja, il-Kanda, il-Fillandja, l-Olanda u l-Iżvezja, fejn jidher hemm xi ħaġa speċjali dwar l-arja tan-naħa ta' fuq tal-Ewropa li qed tnissel tbissima fuq fomm niesha aktar ta' spiss.

Il-klassifika inħarġet abbażi ta' 4 fatturi prinċipali; emozzjoni pożittiva miżmuma fit-tul, kemm u kif isir irkupru minn emozzjoni negattiva, l-aġir soċjali u l-ġenerożità, kif ukoll l-kuxjenza li hemm fost l-abitanti ta' dak il-pajjiż. Dawn kollha jikkunsidraw ukoll il-PDG per capita, is-saħha, l-aspettattiva tal-ħajja, il-perċezzjoni ta' koruzzjoni fost l-oħrajn.

Allura mhux sorpriża li l-pajjiżi li ġew fl-aħħar tal-klassifika kienu n-Niger, Gabon, Senegal, Uganda, Comoros u Congo - pajjiżi mifnija bi problemi ta' korruzzjoni u gwerer.

Forsi ma tkunx idea ħażina kieku nieqfu u nħarsu ftit madwarna u napprezzaw li, f'din il-perspettiva m'għandnix wisq fuqiex ingergru wisq.

 

More in Zekzik