Problemi bil-film ta’ Steve Jobs

Sony Studios jabbandunaw il-proġett dwar il-kreatur tal-Mac

Steve Jobs
Steve Jobs

Sony Studios kellhom iħallu warajhom il-proġett dwar Steve Jobs minħabba bosta problemi. Minbarra l-problemi dwar min se jkun l-attur ewlieni – Christian Bale telaqhom ftit tal-ġimgħat ilu – iltaqgħu ma’ problemi oħra fosthom kwistjonijiet bil-produzzjoni u finanzjamenti.

Imma jista’ jkun li l-proġett mhux se jitħalla fuq l-ixkaffa u minflok tagħmlu kumpanija rivali – Universal Pictures - li wriet interess fih.

Il-film hu bbażat fuq il-bijografija awtorizzata ta’ Steve Jobs minn Walter Isaacson. Se jitratta wħud mill-aktar prodotti important li kien nieda Jobs, fosthom il-kompjuter Macintosh fl-1984 u l-iPod fl-2001.

Seth Rogen hu maħsub li jagħmel il-parti ta’ Steve Wozniak, il-ko-fondatur ta’ Apple. Jessica Chastain u Scarlett Johansson ukoll huma msemmija li se jieħdu sehem fil-film. Id-direttur se jkun Danny Boyle.

Is-sena li għaddiet kien sar film ieħor dwar Steve Jobs u ttratta l-esperjenzi tal-kreatur bħala student f’Reed College sat-tnedija tal-iPod fl-2001. Imma tantx kien għamel ħoss u suċċess. Ashton Kutcher jagħmel ir-rwol ta’ Jobs.

More in Zekzik