Lindsay Lohan u ħuha f’kawża ta’ $60 miljun

Akkużati li ‘serqu’ l-idea għal app ta’ gwardarobba virtwali

Lindsay Lohan ma' ħuha Michael
Lindsay Lohan ma' ħuha Michael

Lindsay Lohan, ħuha Michael Lohan Jr u ħabib tagħhom huma mfittxija bil-qorti akkużati minn żviluppatur tal-websajts, li serqulu l-idea, biex joħolqu app tagħhom ta’ gwardarobba virtwali.

Fima Potik qed isostni, li l-aħwa kienu qed jaħdmu miegħu fuq Spotted Friend, app fuq il-mobile li tħalli l-utenti jaraw x’inhuma lebsin iċ-ċelebritajiet favoriti tagħhom u jixtru l-istess ħwejjeġ. Hu qed jakkużahom li ħolqu app simili wara li ma qablux bejniethom u qed ifittixhom għal $60 miljun fuq ksur ta’ kuntratt, ksur ta’ dmir fiduċjarju u lealtà, u kompetizzjoni inġusta kif ukoll qed jitlob li tingħalaq l-app tagħhom.

Skont Potik, hu ltaqa’ mal-aħwa Lohan permezz ta’Christopher Roth li jaqsam kamra ma’ Michael. Hu kkonvinċiehom bl-idea tiegħu ta’ Spotted Friend u l-oħrajn qablu biex jidħlu bi sħab bil-patt li jkollhom ishma fil-proġett. Imma t-tlieta fittxew investituri oħra minn wara dahru. Imbagħad irċieva sms mingħand Michael jitolbu li jridu sehem ikbar. Meta Potik irrifjuta qalulu li se joħorġu mill-kumpanija. Sadattant – skont kif dejjem sostna Potik – ħolqu l-app tal-moda tagħhom bl-isem Vigma, bl-investituri li kien sab Potik stess, fosthom Arianna Huffington.

More in Zekzik