Covid-19: Solitudni, vjolenza u dipressjoni ... u x'għandek tagħmel biex tevità?

Il-Covid-19 għandha effetti ekonimiċi serji, imma l-effetti soċjali jistgħu jkunu akbar jekk is-sitwazzjoni ttul.  Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' psikoloġista dwar dan...

Il-kwarantina kif ukoll il-fatt li eluf ta' nies ma jistgħux joħorġu minn djarhom qed tħalli lil bosta waħedhom u fis-solitudni, xi ħaġa li għal tul ta' żmien taf toħloq problemi inter-familjari u soċjali serji

F'kummenti mal-gazzetta ILLUM il-Psikoterapista u Psikoloġista Mariella Dimech qalet illi s-solitudni hija xi haġa reali ħafna bħalissa, għal ħafna nies - l-aktar l-anzjani.

Tfakkar illi ħafna nies fir-realtà ma jiltaqgħux mal-familjari kuljum.  "Imma issa li ġej l-Għid, per eżempju, u dejjem kienu jkunu mal-familja u issa ma jistgħux, dik se tinħass. Jew il-Ħdud, meta l-familji jiltaqgħu u issa mhumiex.  U tajjeb li f'dawn il-jiem naħsbu fihom."

Dimech tgħid li fil-fatt mhumiex il-ġranet speċjali biss illi matulhom bosta jħossuhom waħdehom imma anke meta jaraw li ma jistgħux ikomplu bir-rutina tal-ħajja.  "Li ma tmurx quddies, jew s'għand tal-grocer jew li ma tistax tmur tgħid kelma - bħalma dejjem tagħmel.  Dan kollu huwa xi ħaġa li ħafna anzjani qed iħossu jew se jibdew iħossu n-nuqqas tagħha."

Hija tgħid illi kien hemm trasformazzjoni fil-ħsieb.  L-ewwel ir-realizzazzjoni li trid toqgħod ġewwa u li ma tistax tiltaqa' man-nies - u din waslet għall-ansjetà.  Dik l-ansjetà iżda issa wasslet għal-dipressjoni għax bosta - speċjalment nies ta' età ikbar issa se jibdew iħossu s-solitudni, l-iżolazzjoni u sens ta' inċetezza, hekk kif ma jafux sa meta se tibqa' għaddejja din is-sitwazzjoni.

'Meta ma jkunx jista' jkollok xi ħaġa iktar tapprezza'

L-ILLUM tistaqsi lill-psikoloġista tispjega aħjar għalfejn, per eżempju, bħalissa l-ġenituri iċemplu ħafna aktar lill-uliedhom.  "Meta ma jkunx jista' jkollok dik ix-xi ħaġa jew dak ix-xi ħadd, tinduna kemm hi importanti f'ħajtek," sostniet Dimech - simili għall-espressjoni li nużaw meta xi ħadd qrib tiegħek imut.

"L-affarijiet u n-nies li konna nieħdu for granted issa nafu kemm jiswew u kemm huma importanti," qalet Dimech.

Mariella Dimech
Mariella Dimech

'Inkwetata għal dawk li qed ibatu minn vjolenza domestika u tfal abbużati'

Il-psikjatra tgħid illi s-sitwazzjoni ta' bħalissa qed iżżid l-istress fuq il-koppji kollha, imma aktar fuq dawk fejn parti hija vjolenti.
"Immaġina issa għandek sitwazzjoni ta' koppji li qed iqattgħu ħafna iktar ħin flimkien li huma inkwetati, qed iħossuhom iżolati, iħossu li m'għandhom xejn x'jagħmlu ... dan kollu jżid l-istress, li jwassal biex jiżdied il-kunflitt u allura li jwassal għal aktar vjolenza domestika."
Hija tgħid li tinsab inkwetata wkoll għal tfal li qed ikunu abbużati - sesswalment, fiżikament, psikoloġikament kif ukoll billi jkunu riġettati u minsijin.

Tgħid illi f'dan iż-żmien huma qed iqattgħu iktar ħin id-dar, kif qed iqatta' wkoll l-aggressur.  Dan allura jwassal għal żieda fl-abbuż.
Dimech appellat biex fejn ikun possibbli tingħata aktar attenzjoni lill-familja fejn hemm storja ta' abbuż, għalkemm ammettiet li bl-iddistanzjar soċjali dan jista' jkun diffiċli.

Hija qalet illi bħalissa qed tikkomunika mal-klijenti permezz tat-tekonoloġija u qalet ill ħafna terapisti qed jgħinu lil-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, bla ħlas.


X'tista' tagħmel biex tevita problemi ta' saħħa mentali?
 - Dawk in-nies li huma aktar suxxettibbli

  • Anzjani u dawk b'mard kroniku
  • Tfal u Żgħażagħ
  • Persuni li qed jgħinu fir-rispons tal-Covid-19 - bħal tobba u infermiera
  • Nies li għandhom problema ta' saħħa mentali
  • Nies li jabbużaw mis-sustanzi

U x'tista' tagħmel?

  1. Ħu break milli tisma', taqra jew tara dwar il-pademija.  Ħafna informazzjoni, ripetutament, jaf tagħmillek il-ħsara
  2. Ħu ħsieb ta' ġismek, ħu nifs tajjeb u għamel xi forma ta' eżerċizzju
  3. Kul ikel tajjeb u sustanzjuż
  4. Orqod tajjeb
  5. Evita alkoħol jew droga
  6. Sib ħin biex tagħmel attivitajiet li inti ssib pjaċevoli
  7. Tkellem ma' dawk l-aktar qrib tiegħek

Lill-Ġenituri...

  • Sib il-ħin biex titkellem ma' uliedek dwar fatti dwar il-Covid-19
  • Assigura lit-tfal tiegħek li huma siguri
  • Fejn possibbli żomm mar-rutina, oħloq skeda ta' tagħlim u attivitajiet li jagħtu gost lit-tfal
  • Kun ta' eżempju

More in Socjali