Malta u l-Italja jagħmluha ċara mal-Ġermanja li mhux se jaċċettaw 150 immigrant salvati minn Sea-Eye

Skont l-organizzazzjoni tiri ġew sparati minn Libjani waqt li kienu qed isalvaw l-immigranti

Il-Gvern Malti u Taljan infurmaw lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ġermaniż li mhux se jaċċettaw li jniżżlu għandhom grupp ta’ immigranti salvati mill-bastiment Ġermaniż Sea-Eye u dan minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Skont Sea-Eye, il-Gvern Ġermaniż ta’ pariri lill-NGO biex ma tkomplix bis-salvataġġ tal-immigrant.

Skont Alan Kurdi, wieħed mill-bastiment tal-NGO Sea-Eye, tiri ġew sparati minn militanti Libjani waqt li l-ekwipaġġ kien qiegħed isalva 68 persuna minn fuq dgħajsa żgħira tal-injam minn ibħra internazzjonali ‘l barra mil-Libja.

“Wara li tiri ġew sparati fl-ajru, kważi nofs l-immigranti qabżu l-baħar bil-paniku mingħajr ġkieket tas-salvataġġ u pprovaw jgħumu lejn il-bastiment,” saħqet l-NGO.

Jidher li s-sitwazzjoni kkalmat meta l-Libjani telqu ‘l hemm, bl-immigranti kollha jittellgħu abbord.

Jidher li waqt li kienet għaddejja l-ewwel missjoni ta’ salvataġġ, irċeviet avviż ieħor li kien hemm xi immigranti li kellhom bżonn l-għajnuna.

Skont Sea-Eye, bastiment Taljan, Asso Ventinove wasal ħdejn dawn l-immigranti ħafna qabel il-bastiment Alan Kurdi iżda minkejja li huwa ikbar fid-daqs u għalhekk kien ikun aktar jagħmel sens li jsalva t-82 persuna li kellhom bżonn l-għajnuna, dan ma għamel xejn.

Għalhekk, Alan Kurdi aċċetta wkoll dawn l-immigranti, inkluż mara tqila u issa qed jistenna biex jingħata port.

Dan ifisser li b’kollox, Alan Kurdi għandu abbord 150 immigrant.

Jidher li kemm Malta u anke l-Italja għamluha ċara mal-Ministeru Ġermaniż li mux se jaċċettaw l-immigranti anke jekk jintlaħaq ftehim biex l-immigranti jitqassmu fost pajjiżi membri u dan minħabba s-sitwazzjoni tal-coronavirus.

More in Socjali