‘Ftakar f’xi ħaġa diffiċli li għext u li erbaħt u agħmel kuraġġ’ – Psikologu lil min qed iħossu jaqta’ qalbu

Il-gazzetta ILLUM titkellem mad-Direttur tal-Caritas, il-Psikologu Anthony Gatt, dwar l-impatt psikoloġiku li dan iż-żmien jista’ jkollu fuq diversi persuni. X’jista’ jsir? Min hu l-aktar vulnerabbli bħalissa? X’nistgħu nagħmlu kollha kemm aħna? Il-Caritas kif qed topera?

“Il-ħajja hija mislufa lilna. Xi darba dak li għandna se nitilfuh. Għalhekk irridu nitgħallmu ngħixu mument mument u kuljum nagħrfu dak li għandna u napprezzawh.” Dan kien il-messaġġ li għadda mal-gazzetta ILLUM il-Psikologu u d-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, messaġġ li jgħodd għal kulħadd f’dawn iż-żminijiet diffiċli iżda li din il-gazzetta tixtieq li twasslu b’mod partikolari lil dawk il-persuni li bħalissa qed iħossuhom waħedhom, imbeżża’ jew inkella qalbhom maqtugħa minħabba diversi raġunijiet.

Ngħiduha kif inhi, iż-żminijiet li qed ngħixu fihom mhuma faċli għal ħadd. Xi ftit jew wisq, kulħadd qed ibati, iżda hemm persuni li huma aktar vulnerabbli minn oħrajn u dawn iż-żminijiet jistgħu jkomplu jkissruhom. Għalhekk, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Gatt dwar din is-sitwazzjoni u dak li qed twettaq il-Caritas biex tgħinhom u dak li kulħadd jista’ jagħmel biex jgħin lil dawn il-persuni ma jħossuhomx aktar waħedhom jew emarġinati.

Żgur li diversi huma dawk li xi darba jew oħra, meta kienu l-iskola, fl-istudji soċjali tagħhom, semgħu b’dik magħrufa bħala Maslow’s Hierarchy of Needs, piramida maqsuma f’ħames livelli u li tindika l-bżonnijiet l-aktar bażiċi tal-bniedem, b’dawk ta’ taħt nett ikunu l-aktar bżonnijiet importanti, bħal ngħidu aħna, l-ikel, ix-xorb u post fejn persuna tgħix u tħossha protetta.

Il-psikologu spjega kif is-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha, għal diversi, qed thedded it-tieni livell ta’ bżonnijiet, dawk li Maslow jidentifika taħt it-tabella ta’ sigurtà, u taħtha jaqgħu x-xogħol, is-saħħa u l-proprjetà.

Għal oħrajn, li jaqilgħuha u jikluha u li forsi ma għandhom xejn imfaddal għax ma jistgħux, is-sitwazzjoni preżenti qed thedded saħanistra l-livell ta’ taħt nett, il-bżonnijiet l-aktar bażiċi, bħall-ikel u x-xorb.

“Fil-fatt x’inhu jiġri? Ħafna qed ixebbhu dan iż-żmien mal-Gwerra. Hawn il-biża’ li wieħed joħroġ. X’se jiġri minni? Qed naraw dak li qed jiġri fl-Italja u allura aktar inħossu s-sigurtà tagħna mhedda,” kompla jispjega l-Psikologu.

Anke jekk il-fatt li l-Maltin naraw ħafna televiżjoni Taljana jista’ ma jgħinx għax nallarmaw aktar lilna nfusna, mill-banda l-oħra jista’ jservi ta’ vantaġġ biex nidħlu aktar f’qoxortna u nobdu aktar l-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa.   

Min hu l-aktar vulnerabbli bħalissa?

Għalhekk, ikompli jispjega Gatt, hemm diversi kategoriji ta’ persuni li bħalissa huma aktar vulnerabbli. Fost l-aktar, hemm dawk il-persuni li li l-bżonnijiet l-aktar bażiċi tagħhom huma mhedda, jiġifieri dawk li tilfu x-xogħol tagħhom, nies li ma tantx għandhom flus imfaddla, dawk li jaqilugħha u jikluha.

Iżda vulnerabbli wkoll huma dawk il-persuni li diġàjbatu minn xi kundizzjoni ta’ saħħa mentali, inkluż l-ansjetà. L-ansjetà, saħaq Gatt, iġġiegħlek tinkwieta fuq affarijiet li ma għandekx għaliex tinkwieta fuqhom. Bniedem li jbati bl-ansjetà, se jaħseb fuq l-aktar affarijiet katastrofiċi li jistgħu jiġrulu.

“Ikollok persuni li anke jekk is-sitwazzjoni tagħhom mhijiex daqshekk gravi, forsi anke għax il-qagħda finanzjarja tagħhom hija waħda tajba, xorta waħda ma jirnexxilhomx jaraw il-pożittiv u jaħsbu biss fil-ħażin li jista’ jiġrilhom,” spjega Anthony Gatt. “Tħossok bla kontroll. Tħossok ma’ tista tagħmel xejn.

Marbuta mal-ansjetà, hemm ukoll id-dipressjoni. “L-aqwa mediċina għaliha hija l-kuntatt u l-appoġġ uman,” spjega Gatt u għalhekk dawn il-persuni x’aktarx li jħossuhom aktar ħażin bħalissa. Kien hawn li Gatt appella lil dawn il-persuni biex kemm jista’ jkun jibqgħu attivi, inkluż bl-eżerċizzju fiżiku u anke jekk aptit ma jkollhomx jibqgħu jaħdmu, anke jekk mid-dar.

Nisimgħu ħafna wkoll dwar is-solitudni. Immaġina ftit bħalissa kif qed iħossuhom dawn in-nies. Min kien waħdu, aktar se jħossu waħdu.

‘Beda jibki meta għidnielu li għalissa mhux se niltaqgħu aktar’

Hawn Anthony Gatt qasam esperjenza ta’ raġel li kien jattendi għal wieħed mis-servizzi li toffri l-Caritas, fosthom meta tlaqqa’ flimkien persuni li huma waħedhom. “Beda jibki meta għidnielu li għalissa mhux se niltaqgħu aktar. Bina kellu wens,” spjega Gatt.

Propju għalhekk li l-Caritas, kemm jista’ jkun qed tipprova ma taqtax il-kuntatt ma’ dawk il-persuni li jfittxu s-servizzi tagħha u qed iżomm kuntatt ma’ dawn il-persuni permezz ta’ telefonati u anke permezz ta’ kollegamenti bil-filmati, biex hekk l-għajnuna tagħha tibqa’ għaddejja.

“Iżda l-kuntatt uman, jibqa’ l-kuntatt uman u xejn ma jeħodlu postu,” saħaq Gatt. “Qed nirrestrinġu kemm nistgħu. Imma meta taqta’ l-kuntatt uman, l-impatt se jinħass aktar.”

Kategorija oħra ta’ persuni li forsi ninsew dejjem, aħseb u ara issa, huma l-immigranti. 

“Diversi kienu diġà emarġinati, aħseb u ara f’mumenti bħal dawn. Immaġina persuna li ġej min pajjiż, minn barra l-Unjoni Ewropea, li jaħdem bil-permess tax-xogħol u bħalissa jinsab imwerwer li dan mhux se jiġġedidlu u wara li ġie Malta u beda jibni futur, se jerġa’ jispiċċa fl-istess sitwazzjoni li sab ruħu fiha meta ġie Malta,” saħaq Gatt.

Hemm imbagħad realtajiet oħra li wieħed irid iżomm f’moħħu. Anke jekk mhux qed isir monitoraġġ bħal qabel, minħabba r-restrizzjonijiet, jista’ jkun hemm vittmi li qed ibatu fis-skiet, bħal pereżempju każijiet ta’ vjolenza domestika jew abbuż fuq it-tfal, b’Gatt jappella biex dawn ma jintesewx.

Anke jekk f’Malta l-każijiet mhumiex allarmanti, hemm persuni li saqaf fuq rashom ma għandhomx. Dawn ukoll bħalissa jistgħu jsibu ruħhom f’diffikultàgħax biex jonqos it-tixrid tal-virus, ċertu residenzi u xelters jissikkaw xi ftit jew wisq il-bibien tagħhom.

Suwiċidju: ‘hemm nies li waħedhom mhux se jaslu’

“Hemm persuni li qegħdin f’sitwazzjoni prekarja ħafna,” saħaq id-Direttur tal-Caritas.

Hawn Gatt kellimna wkoll fuq realtà li xi drabi nibżgħu nitkellmu fuqha iżda li qiegħda hemm barra u ma nistgħux ninsewha. Semma persuni li jkunu f’riskju ta’ suwiċidju. 

“Jekk bniedem iħossu ma jafx x’se jaqbad jagħmel, iħossu li mhux se jkampa, iħoss li mhux qed isib appoġġ, is-sitwazzjoni tagħhom se tmur għall-agħar. Hemm persuni li għandhom bżonn aktar għajnuna u mhux inqas. Hemm nies li waħedhom mhux se jaslu u nistgħu nitilfuhom fi żminijiet bħal dawn,” wissa d-Direttur tal-Caritas.

Għaldaqstant, qlibna d-diskors biex nitkellmu dwar dak li jista’ jsir biex il-persuni li huma l-aktar vulnerabbli ma jħossuhomx waħedhom. Dan ma jiddependix biss mill-organizzazzjonijiet bħall-Caritas jew l-NGOs li jgħinu faxex differenti ta’ nies, iżda jiddependi wkoll mill-persuna nnifisha u mill-pubbliku inġenerali.

‘Żomm kuntatt imqar bit-telefown ta’ kuljum ma’ min qed isegwik’

Bdejna nitkellmu fuq il-karattru tal-persuna. Fi kliem il-Psikologu, il-karattru qisu s-sistema immunitarja imma fuq livell psikoloġiku. Bħalma s-sistema immunitarja b’saħħitha tgħin lill-ġisem jiġġieled il-mard, karattru b’saħħtu jgħin lill-bniedem jiffaċja l-għawġ li jiġi fuqu.

“Hawn min għandu karattru vulnerabbli u għalhekk mal-ewwel problema, flok jiġġildilha, iħossu qed jegħreq,” spjega Gatt. “Jekk ikollok imqar traċċa ta’ ottimiżmu, din se tgħinek tara l-pożittiv. Jekk għandek karattru li jiffoka fuq is-soluzzjonijiet, differenti minn meta għandek persuna li malli titfaċċa problema, tegħreq taħt l-inkwiet.”

Gatt spjega li mhux qed jgħid li ma hemmx min xorta se jibża’ jew jinkwieta, anke jekk b’karattru sod, iżda hemm min għandu aktar kapaċità li jindirizzahom.

Fl-aħħar mill-aħħar, kompla jispjega l-Psikologu, kollox jiddependi fuq kemm persuna tkun temmen fiha nnifisha. Fi kliemu, l-esperjenza hija kollox u biex jispjega dan irrakkonta magħna storja vera li ġrat fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Bażikament, baħrin sabu ruħhom fil-baħar, bejn sema u ilma, wara li l-vapur li kienu fuqu għereq. Wara xi jiem fil-baħar, wasal is-salvataġġ, iżda min salvahom baqa’ mistagħġeb għax kienu l-anzjani li salvaw. Kienu jippretendu li dawk li huwa iżgħar fl-età, kienu se jifilħu aktar, 

“L-anzjani kienu diġà għexu sitwazzjonijiet diffiċli. Allura emmnu fihom infushom u żammew sod,” spjega l-Psikologu.

Kien għalhekk, li meta tlabnieh jgħaddi messaġġ lil dawk li bħalissa qed iħossuhom qed jegħrqu, forsi frott l-ansjetà, id-dipressjoni, is-solitudni u realtajiet oħra li tkellimna dwarhom aktar qabel, Anthony Gatt insista li l-appell tiegħu lil dawn in-nies dejjem ikun wieħed: “ftakar f’xi ħaġa diffiċli li għext u li erbaħt u agħmel kuraġġ.”

Lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, appellalhom biex jipprovaw jaqbdu ma’ kwalunkwe għajnuna li jistgħu jsibu. “Żomm kuntatt imqar bit-telefown ta’ kuljum ma’ min qed isegwik u jgħinek sakemm jinfetaħ bieb għalik. Żommu t-tama ħajja. Jekk tħossok qed tegħreq żomm it-tama u emmen li se jirnexxilek.”

‘Kulħadd jista’ jkun aktar sensittiv ... lis-sidien tal-kera nħeġġiġhom jkkunsidraw tnaqqis fil-prezz tal-kera’

Il-pubbliku jista’ jagħmel ħafna wkoll. Fi kliem Gatt, kulħadd jista’ jkun aktar sensittiv lejn il-ħtiġijiet ta’ dawk li l-aktar huma vulnerabbli bħalissa.

“Nappella lis-sidien li qed jikru l-postijiet. Ikkunsidraw tnaqqis fil-prezz tal-kera,” appella d-Direttur tal-Caritas. Fi kliemu, kulħadd jista’ jagħmel ftit sagrifiċċju waqt li fakkar ukoll fil-kliem tal-Papa Franġisku: “Dawk li huma sinjuri, iridu jiftaqru ftit.”

Kompla jispjega li diffiċli kemm hi diffiċli din is-sitwazzjoni, għandha ġġibna konxji ta’ dak li hu l-aktar essenzjali fil-ħajja tagħna.

“Għandek xi anzjani, jew xi ziju li jgħix waħdu u li ma tmurx tarah. Aħseb fih. Anke telefonata biżżejjed,” insista Gatt waqt li tenna jekk kulħadd ikun aktar sensittiv għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, dan iż-żmien se jkun aktar faċli u nżommu t-tama ħajja.

Il-Caritas b’erba’ linji għal min għandu bżonn l-għajnuna

Tkellimna wkoll dwar il-ħidma li qed twettaq il-Caritas. Minkejja l-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet ta’ bħalissa, il-Caritas qed tagħmel l-almu kollu tagħha biex iżżomm is-servizzi tagħha għaddejja.

Fil-fatt, anke jekk magħluqa, l-uffiċini tal-Caritas fetħu erba’ linji fejn persuna tista’ ċċempel u titkellem ma’ psikologi u professjonisti oħra li jistgħu jgħinuha. 

Dawn in-numru huma: 79213480, 79213479, 79213482 u 99122515.

Apparti minn hekk, anke biex ir-residenti fil-programmi tal-Caritas ikunu protetti mill-Coronavirus, ittieħdu wkoll prekawzjonijiet oħra. Gatt spjega kif anke jekk kienet deċiżjoni diffiċli, inqatgħu ż-żjajar tal-familjari. Madanakollu, il-Caritas qed tassigura li permezz tat-telefonati u teknoloġija oħra, ir-residenti jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-qraba tagħhom.

Gatt spjega wkoll kif minkejja kollox, xi ftit jew wisq is-servizzi jbatu. 

“Bdejna naraw individwi li kienu waslu biex jidħlu fi programm u issa ma jistgħux,” saħaq Gatt anke biex ikunu protetti r-residenti li jinsabu fil-programmi. Fi kliemu, ġieli jinħolqu sitwazzjonijiet diffiċli, bħal meta jkollok persuna li l-familja tagħha tkun keċċietha għax ma tkunx aċċettat il-problema u allura jinħoloq periklu ta’ persuni bla saqaf fuq rashom.

Iżda insista li jekk is-sitwazzjoni ttul, wieħed irid isib metodi oħra ta’ kif jaħdem, waqt li semma l-possibbilità li residenti ġodda jkunu jistgħu jiġu aċċettati fejn għall-bidu jinżammu f’iżolament biex jonqos ir-riskju tat-tixrid tal-virus. 

‘Aktar ma nkunu magħqduin, aktar jirnexxilna nirbħu dan iż-żmien diffiċli’

Fakkar ukoll fis-servizzi li toffri Dar Papa Franġisku, xelter ta’ emerġenza mmexxi minn Fondazzjoni Dar il-Hena, il-Caritas u Alfred Mizzi Foundation. Bħalissa, din id-dar, mhix qed tilqa’ nies għall-ikel ġewwa kif isir normalment, iżda qed tkun imħejjija ikla xorta waħda (packed lunch) għal min ma jaffordjax u li tista’ tinġabar bejn nofsinhar u s-sagħtejn u nofs, kuljum.

Gatt semma wkoll diversi inizjattivi li qed jieħdu kumpaniji privati, il-Food Bank u anke l-Malta Trust Foundation li hija mmexxija mill-President Emeritu Marie-Louis Coleiro Preca. 

“Għajnuna hemm. Tiddejqux tfittxuha,” appella Gatt.

“Aktar ma nkunu magħqduin, aktar jirnexxilna nirbħu dan iż-żmien diffiċli. Kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu,” temm jgħid Gatt. 

More in Socjali