Illejla l-qniepen kollha ta' Malta se jistiednu lill-Insara jingħaqdu f'mument ta' talb mal-Papa

Fi pjazza vojta, il-Papa Franġisku se jkun qed imexxi mument straordinarju ta' talb u jagħti l-barka Urbi et Orbi

Il-Knejjes kollha ta' Malta u Għawdex, illejla, se jkunu qed idoqqu mota, kwarta qabel it-talb li se jkun qed jagħmel il-Papa Franġisku fil-Vatikan, biex isejħu lill-Insara jitolbu mal-Papa Franġisku.

Illejla, fis-6:00pm, il-Papa Franġisku se jkun qed imexxi mument straordinarju ta' talb minn Pjazza San Pietru, anke jekk din se tkun vojta min-nies.

Waqt din il-velja, se tinqara l-Kelma ta' Alla u anke se jsir mument ta' adorazzjoni tas-Sagrament. 

Wara, il-Papa se jkun qed jagħti l-Barka Urbi et Orbi, barka lill-belt ta' Ruma u lid-dinja, liema barka normalment tingħata biss dakinhar li jsir Papa ġdid u anke fil-Milied u nhar Ħadd il-Għid. 

Il-Papa qiegħed jistieden lill-Insara kollha biex permezz tal-mezzi soċjali jingħaqdu miegħu fit-talb.

Dan il-mument ta' talb se jkun qed jixxandar fuq TVM2 u anke s-sit tal-Knisja f'Malta.

More in Socjali