‘Qisu għadu magħna hawn. Kulħadd jgħajjatlu’ – Jaħdmu karru biex isellmu lil seħibhom iċ-Chippy

Jean Paul Bonett, iċ-Chippy, miet sitt xhur ilu waqt li kien qed jaħdem fuq karru iżda f’dawn il-jiem xorta waħda kien il-Belt Valletta jdur mad-dilettanti

Shaun Curmi quddiem il-karru ddedikat liċ-Chippy
Shaun Curmi quddiem il-karru ddedikat liċ-Chippy

Il-Karnival huwa ż-żmien fejn il-bluha jitħalla jirrenja. Huwa żmien li fih ninsew is-serjetà tal-ħajja, nilbsu l-kostumi u l-maskli u filwaqt li nieħdu gost bil-kuluri tal-karrijiet kbar u sbieħ, ninqatgħu xi ftit jew wisq mir-realtà, anke jekk għal ftit sigħat. Madanakollu, xi kultant, ir-realtà tkun kiefra u iebsa wisq biex tinsieha. Hekk ġara lil Shaun Curmi u lil sħabu tal-kumpanija tal-Karnival Buffalo & Co, li sitt xhur ilu, ftit jiem biss qabel il-Karnival tas-sajf, tilfu lil Jean Paul Bonett, magħruf bħala ċ-Chippy, li kien ħa xokk waqt li kien qed jaħdem fuq il-karru.

L-ILLUM żaret il-maħżen, fil-Marsa, fejn iċ-Chippy kien iqatta’ sigħat twal ma’ sħabu jaħdem fis-skiet għall-Karnival. Minkejja dak li ġara sitt xhur ilu, ma sibniex maħżen vojt. Malli fetħulna l-bieb enormi tal-maħżen, ilmaħna karru enormi u jiddomina fuq quddiem rajna liċ-Chippy, daħkan, kuntent, liebes il-kunfratija, qed jerfa’ fl-istatwa ta’ San Gejtanu li tant kien iħobb.

Sħab iċ-Chippy ma kellhomx moħħ il-Karnival. Setgħu qagħdu jdejhom fuq żaqqhom. Minflok riedu jagħtu rigal liċ-Chippy. Riedu li anke din is-sena jkun magħhom. Riedu jiċċelebraw il-ħbiberija tagħhom! Riedu jiċċelebraw il-ħajja tiegħu! Riedu jagħtuh xi ħaġa lura! Għalhekk reġgħu tawh il-ħajja u anke jekk mhux se jieħdu sehem fil-kompetizzjoni, ħadmu karru li ddedikawh għalih.

"Għixt għall-festa u l-Karnival,” hija t-tema ta’ dan il-karru u jiġbor fih dak kollu li ċ-Chippy kien iħobb u kien jaħdem għalih, il-Karnival, il-festa ta’ San Gejtanu, l-Imnarja u r-Regatta.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Shaun Curmi, wieħed mill-akbar ħbieb li kellu ċ-Chippy u li kellu jarah jitlef ħajtu quddiemu.

‘Miet f’idejja ... ridt nagħmel xi ħaġa sabiħa għalih’

“Għall-ewwel ma kontx se narma. Ma kellix moħħ. Nista’ ngħid li miet f’idejja,” beda jirrakkontalna Curmi. “Qgħadt ftit kwiet u għidt almenu nagħmel xi ħaġa sabiħa għalih.”

Fil-fatt, il-parti ta’ quddiem tal-karru jġib liċ-Chippy fil-festa tiegħu, il-festa ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun. Għal snin twal, Bonett kien jerfa’ fil-vara ta’ San Gejtanu u hekk jidher qed jagħmel fil-karru. Għalhekk, jispikkaw ukoll, il-kampnari tal-Knisja Arċipretali tal-Ħamrun.

Fuq wara, iċ-Chippy jidher fil-Karnival. Għamluh liebes tal-kavallier, is-simbolu tal-Karnival ta’ Malta. “Dan is-simbolu tal-Karnival kien iffissat fuqu. Dejjem xtaq jagħmel karru dwaru,” kompla jgħidilna Curmi, waqt li sħabu kienu għaddejjin fuq l-aħħar irtokki.

Fi ftit kliem, it-tir tagħhom kien wieħed. Riedu jiċċelebraw liċ-Chippy u riduh li anke din is-sena jkun preżenti fil-karnival. Tant kemm verament għamlu dan għalih, li din is-sena, anke jekk daħlu għal dan il-karru b’ruħhom u b’ġisimhom, mhux se jkunu qed jieħdu sehem fil-kompetizzjoni, sempliċiment se jkunu mal-bqija tal-karrijiet fil-Belt Valletta.

Biex jiftakru fiċ-Chippy wkoll, ilbieraħ, Shaun u sħabu għaddew mill-qalba tal-Ħamrun, minn Triq il-Kbira San Ġużepp, b’dan l-istess karru biex hekk anke l-Ħamruniżi jerġgħu jsellmu liċ-Chippy.

Ir-ritratt taċ-Chippy fil-maħżen tal-kumpanija
Ir-ritratt taċ-Chippy fil-maħżen tal-kumpanija

‘Naħdmu l-karru u kulħadd isemmih’

“Naħdmu l-karru u kulħadd isemmih. Kien bniedem ferrieħi u ċajtier. Kulħadd kien jaqbad miegħu, tant li ġieli konnha nġegħluh jirrabja. Qisu għadu magħna hawn. Kulħadd jgħajjatlu,” saħaq Curmi.

Tant kemm kien bniedem maħbub minn kulħadd, li meta semgħu dak li kien se jagħmel, il-voluntiera żdiedu u fi kliemu stess, marru diversi voluntiera minn kumpaniji oħra biex jgħinuh jaħdem fuq dan il-karru ddedikat lil Jean Paul Bonett.

“Kulħadd ħadem għaċ-Chippy,” qalilna Curmi.

Bid-dmugħ f’għajnejh u b’leħnu miksur, Shaun Curmi rrakkontalna dak li ġara sitt xhur ilu.

“Tlift l-akbar ħabib li kelli. Wisq kerha. Nerġa’ ngħidlek kont se nieqaf mill-Karnival għax ħadtha bi kbira wisq. Tkellimt ma’ Jason Busuttil, nirringrazjah għax-xogħol tiegħu u qalli l-ħajja trid tkompli,” irrakkontalna Shaun. “Kieku hu ma kienx ikun iridni nieqaf.”

Qalilna li Jean Paul Bonett ma mietx bil-ksuħat. “Miet jagħmel dak li jħobb għax l-aktar li kien iħobb kien il-karru tas-sajf għax ma jkollokx l-istress daqs Frar,” kompla jgħidilna.

Fil-fatt, iċ-Chippy kien jagħmel id-dawl kollu tal-karru. “Stenna lili nasal. Kien ilu hawn minn filgħodu. Wasalt jiena fit-tlieta, għannaqni u qalli: ‘jiena lest, kemm nidħol nissaldja l-aħħar wajer.’ Daħal u ma ħariġx,” kompla jirrakkontalna emozzjonat.

Iċ-Chippy liebes tal-kavallier tal-Karnival
Iċ-Chippy liebes tal-kavallier tal-Karnival

Il-karru: kif jinħadem?

Wara li tkellimna fit-tul fuq iċ-Chippy, la konna fil-maħżen ta’ Shaun Curmi u sħabu, ma stajniex ma nitkellmux ftit dwar is-sengħa li biha jinbena l-karru tal-Karnival. Fl-aħħar snin, tal-Buffalo & Co kellhom fost l-isbaħ karrijiet.

L-ILLUM staqsiet lil Shaun Curmi xi jkun l-ewwel pass biex jibda jinbena l-karru. Minn fejn jibdew? Curmi spjega kif l-ewwel ma jiltaqa’, ġeneralment, ikun mal-welder li jilgħab parti importanti għax jidħol ukoll fil-movimenti tal-karru.

Minn hemm jibdew isiru l-isckethes. L-ewwel li jsir huwa l-isketch tal-ħadid. “Mhux se ngħidlek li l-kartapesta mhi xejn għax fiha tagħha. Iżda llum il-bażi tal-karru huwa l-ħadid. Illum karru sar kollu mekkaniżmu u muturi li jiswew eluf ta’ liri. Marruli żewġ muturi weħilt €600 kull wieħed,” spjegalna Shaun biex jagħtina ftit idea tal-ispejjeż li jidħlu fihom id-dilettanti.

Meta l-movimenti jkunu lesti u jaraw li jaħdmu sew, jibda t-tfassil tal-karru. Fi kliemu, jipprovaw il-ħin kollu, fosthom biex jaraw li x-xogħol ma jaħbatx.

Minn hemm ikun jista’ jibda x-xogħol fuq il-kartapesta u t-tafal sakemm jaslu fil-proċess taż-żebgħa u d-dawl li ġeneralment isiru fl-aħħar ġranet jekk mhux sigħat.

‘Imqar il-leaders għandhom ikunu ħaddiema tal-Gvern'

Ħarisna lejn il-karru u staqsejna lil Curmi kemm idumu jaħdmu fuqu.

“Is-sena kollha. Issa nispiċċaw lil dan. Nipparkjah it-Tlieta, għandi sal-Ħadd rieqed. Nagħmel ġimagħtejn xogħol id-dar u nibdew inżarmaw il-karru biex naħsbu għal tas-sajf. Inżarmaw tas-sajf u nibdew fuq il-kbir,” spjegalna. “Kif saru l-karrijiet illum, tispiċċa qisu dan hu x-xogħol tiegħek.”

Fil-fatt Curmi għandu xewqa waħda. “Jiena nixtieq li jasal żmien fejn il-Gvern iġib imqar lil-leaders jaħdmu full-time miegħu fl-imħażen. Ħalli jkollok biżżejjed ħin.” Insista magħna.

‘Lanqas slipper ma nixtri għalija’... mela kemm jiswa?

Ngħiduha kif inhi, dawk kollha li jaħdmu għall-Karnival għandhom ix-xogħol tagħhom u jqattgħu l-ħin liberu tagħhom biex jagħtu spettaklu lil dawk kollha li jżuru l-Kapitali għall-Karnival ta’ Malta. Jagħmlu dan b’mod volontarju u biex ikunu jistgħu jlestu fil-ħin, saħansitra jieħdu l-leave minn tagħhom, biex ma nsemmux il-flejjes li joħorġu mill-but.

“Jien ilni hawn mill-ħamsa ta’ filgħodu,” qalilna Curmi u dan meta aħna wasalna l-maħżen fl-erbgħa ta’ waranofsinhar. “Għandi sas-siegħa ta’ filgħodu hawn. Għandi ħmistax leave nqattagħhom hawn.”

Propju għalhekk li Curmi esprima magħna din ix-xewqa. Fi kliemu, jekk dan iseħħ, ikunu jistgħu jagħtu sehemhom mhux fil-Karnival biss imma anke fl-attivitaijet kulturali li jkunu organizzati tul is-sena, bħal ngħidu aħna n-Notte Bianca.

L-ILLUM staqsiet lil Shaun kemm jiswa karru fuq din l-iskala. “Sentejn ilu, meta kellna l-karru ta’ Gordon Ramsay, missejna l-€15,000. €1,200 biss LEDs. Jiena naħdem għall-Karnival. Lanqas slipper ma nixtri għalija jiena u mmur nixtrilek popma tal-hydraulic tiswa xi €200. Marli speaker €250. Kollox spejjeż,” spjegalna.

Iċ-Chippy liebes il-konfratija jerfa' fil-vara
Iċ-Chippy liebes il-konfratija jerfa' fil-vara

‘Il-Belt inkun imwerwer ... aħjar il-maħżen’

Shaun Curmi huwa Belti u jista’ jonqos li ma jaqbilx li l-Karnival xi darba joħroġ mill-Belt. Madanakollu jibqa’ l-fatt li t-toroq tal-Belt huma limitati. Biżżejjed insemmu l-mument meta l-karrijiet ikunu jridu jduru minn Triq il-Merkanti, għal Triq l-Arċisqof biex jidħlu Pjazza San Ġorġ. X’jaħseb dwar dan?

“Ħa nkun sinċier. Jiena l-karru hawn nieħu pjaċir. L-aħħar ħmistax. Tgħidli bis-serjetà? Sabiħ il-Belt iżda jiena nkun imwerwer. Tant kemm kibru l-karrijiet u tant kemm fihom inġinerija li faċli jseħħ inċident,” insista Shaun.

Filwaqt li faħħar il-ħidma tal-kumitat u x-xogħol li jagħmlu biex tiżdied is-sigurtà, insista li t-toroq tal-Belt huma dawk li huma. “Ikollok il-fireengines. Imma għidli inti kif se tidħol meta għandek karru wara l-ieħor u  salt nies. Seba’ snin ilu qabadli karru hawn barra jiena. Fi tliet kwarti dab. Għidli inti jaqbadlek fi Triq ir-Repubblika!” saħaq l-artist.

‘Sewwa jagħmlu jagħfsu fuq is-sigurtà

Mill-banda l-oħra saħaq li ma jfissirx li ma hemmx sigurtà. Semma kif il-kumpaniji kollha jkunu armati f’każ ta’ inċident u anke l-Kumitat jibgħat surveyer biex jispezzjona l-karru qabel jitħalla jinżel il-Belt.

“Kelli problema fil-kuruna jiena. Ma approvahiex. Qabbadt inġinier biex jiġi jirranġahieli. Mhux se neħodha kontrihom. Sewwa jagħmlu,” insista.

Fil-fatt, appella wkoll lill-pubbliku biex jikkoperaw magħhom. Qal li l-biża’ tiegħu meta jkun hemm familji u jiġu jpoġġu t-tfal fuq il-karrijiet għar-ritratti.

“Inċident f’sekonda jseħħ. Ikkoperaw magħna,” temm jappella Shaun Curmi.

More in Socjali