Dun David Cilia maħtur Arċipriet tal-Parroċċa ta' San Pawl Nawfragu tal-Belt

Il-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu tiġbor fiha madwar 1,800 persuna f’800 familja

L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Kanonku David Cilia bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta. 

Dun David twieled fit-2 ta’ Awwissu tal-1968. 

Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola ta’ Ħal Qormi San Ġorġ, fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir u fl-iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof. Studja l-Filosofija u t-Teoloġija fil-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta, u d-Dritt Kanoniku fl-Università Gregorjana f’Ruma. Ġie ordnat saċerdot fit-30 ta’ Ġunju 1995.

Dun David beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala Viċi Kapillan fil-Parroċċa ta’ Marija Bambina fil-Mellieħa u fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ Preca fis-Swatar. 

Kien membru tal-Kapitlu fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat, u kap tal-iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof. 

Huwa jservi bħala Imħallef fit-Tribunal Ekkleżjastiku Reġjonali tat-Tieni Istanza u huwa wkoll Delegat tal-Arċisqof għall-Fergħa Ewkaristika u Ulied Marija Ewkaristika. 

Il-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu tiġbor fiha madwar 1,800 persuna f’800 familja. 

Fl-aħħar xhur, grupp fuq Facebook SOS Parroċċa San Pawl Valletta, immexxi minn Hector Bruno, beda kampanja bil-għan li jqajjem kuxjenza mhux biss dwar nuqqas ta’ kleru f’din il-parroċċa, iżda anke minħabba l-fatt li l-ħajja tagħha qed tkun affetwata negattiv mill-popolazzjoni dejjem tiċkien tal-Belt Kapitali.

More in Socjali