Jissieħbu 129-il uffiċjal fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Farrugia tkellem ukoll dwar il-pjan ta’ seba’ snin li ser ikun qed isaħħaħ id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, flimkien mad-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila, presedew waqt iċ-ċerimonja tal-parata li saret ġewwa l-istazzjon tat-tifi tan-nar f’Ħal Far. 129 uffiċjal, fosthom tliet nisa, ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala Assistance and Rescue Officers, wara li temmew b’suċċess kors intensiv ta’ 18-il ġimgħa.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li llum qed tinkiteb l-istorja mhux biss għax dan huwa l-ikbar ingaġġ fil-Protezzjoni Ċivili f’perjodu ta’ 20 sena, imma għall-ewwel darba, tliet nisa ssieħbu fi ħdan id-dipartiment. Huwa saħaq li dawn in-nisa ser ikunu l-ambaxxaturi tad-dipartiment sabiex iħajru aktar nisa jissieħbu mal-Protezzjoni Ċivili.

Farrugia tkellem ukoll dwar il-pjan ta’ seba’ snin li ser ikun qed isaħħaħ id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Qed isir investiment kontinwu mhux biss fit-tibdil tal-flotta tal-vetturi u tal-inġenji li jkunu mgħammra bl-aħħar teknoloġija, iżda wkoll qed isir investiment fir-riżorsi umani u fit-taħriġ li jingħataw.

Il-Ministru Farrugia saħaq li bħalissa għaddejjin eżerċizzji fejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, flimkien mal-Korpi Dixxiplinati u dipartimenti oħrajn, qegħdin ilkoll jaħdmu flimkien biex ikunu mħarrġa għal ċirkustanzi u inċidenti li jistgħu jinqalgħu. "Dan l-eżerċizzju huwa importanti sabiex inkunu preparati u finalment nipproteġu lil pajjiżna," qal Farrugia.

Filwaqt li awgura lill-uffiċjali l-ġodda huwa appella sabiex jaħdmu bħala tim wieħed u magħqud ħalli jsalvaw in-nies u ma jweġġa’ ħadd.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Psaila qal li llum hija ħolqa oħra f’kullana ta’ suċċess, riforma u viżjoni li qed jikseb id-dipartiment. Huwa appella lill-uffiċjali sabiex ikunu kburin bl-uniformi li jilbsu, ikunu kburin li jagħmlu parti mill-familja tal-Protezzjoni Ċivili, u li qed iservu lil pajjiżna. “Ftakru li tridu taħdmu bħala tim wieħed u iġbdu ħabel wieħed”, għalaq id-direttur, filwaqt li awguralhom suċċess.

Skont it-tradizzjoni, fi tmiem iċ-ċerimonja l-uffiċjali l-ġodda waddbu l-beritta fl-ajru.

More in Socjali