Il-Bormliżi se jxammru l-kmiem f'sensiela ta' attivitajiet ta' tindif madwar il-lokalità

L-ewwel attività se ssir nhar is-Sibt li ġej fejn se jitnaddfu l-inħawi tal-iskola primarja u l-iskola tal-Verdala qabel tibda s-sena skolastika l-ġdida

Il-Bormliżi se jkunu qed ixammru l-kmiem biex inaddfu partijiet minn din il-Belt storika u antika.

Is-sit illum.com.mt tkellem mas-Sindku Alison Zerafa Civelli li spjegat kif il-Kunsill Lokali Bormliż se jkun qed jorganizza diversi attivitajiet ta’ tindif imferrxa matul is-sena.

L-ewwel attività minn dan il-programm se tkun qed issir nhar is-Sibt li ġej.

Fil-fatt, se jkunu qed jiġu mnaddfa ż-żoni ta’ madwar l-iskola primarja u l-iskola tal-Verdala.

“Ħsibna li jkun xieraq li meta jerġgħu jirritornaw l-iskola, it-tfal tagħna jsibu ambjent sabiħ,” saħqet is-Sindku.

Fil-fatt, nhar is-Sibt li ġej se jkunu qed jitnaddfu ż-żoni madwar l-entraturi tal-iskejjel u anke l-viċinanzi tagħhom.

Se jiġu installati wkoll bins ġodda fil-madwar.

Zerafa Civelli spjegat ix-xogħol se jibda mill-Ġimgħa fejn se jkun qed jinqata’ l-ħaxix ħażin u anke ssir ħasla bil-powerwash.

Mistoqsija minn jista’ jieħu s-sehem, is-Sindku saħqet li r-residenti Bormliżi u l-pubbliku huma mistiedna li jattendu għal din l-attività li fiha se jieħu sehem ukoll għadd ta’ għaqdiet Bormliżi.

More in Socjali