Kull dar se tirċievi apparat ġdid għal użu aktar effiċjenti tal-ilma

Il-kampanja nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma għandha l-għan li twassal għal bidla kulturali lejn il-konservazzjoni tal-ilma f’Malta.

Waqt konferenza stampa, Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, Joe Mizzi nieda kampanja edukattiva dwar l-użu aktar effiċjenti tal-ilma.

Il-kampanja nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma għandha l-għan li toħloq bidla kulturali lejn il-konservazzjoni tal-ilma f’Malta.

Il-kampanja,’Water Be the Change’ hi bbażata fuq tliet snin u se tiffoka fuq is-setturi domestiċi, kummerċjali u agrikoli. Parti minn din il-kampanja hi ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea b’investiment ta’ €13-il miljun. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Mizzi qal li huwa importanti li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u jikkontribwixxi f’din il-kampanja. Spjega li grazzi għal din il-kampanja, l-Gvern se jkun qiegħed iqassam apparat lil kull familja, għal użu aktar effiċjenti tal-ilma. 

"Il-kampanja għandha l-għan li tipprovdi lil kulħadd l-informazzjoni meħtieġa sabiex tittieħed azzjoni meta niġu għall-użu aktar effiċjenti tal-ilma. Flimkien nistgħu nagħmlu differenza kbira fil-mod kif jintuża l-ilma f’Malta,” qal Mizzi.

Barra minn hekk, il-kampanja edukattiva se tkun qed iddur madwar kull belt u raħal f’Malta u Għawdex. Dan se jsir permezz ta’ 'mobile unit' li fih esperti tekniċi se jitkellmu man-nies tal-lokal u jipprovdu pariri dwar kif l-ilma jista’ jintuża b'mod effettiv.

Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano qal li dan ir-‘road show’ se jdum sentejn.

Spjega wkoll li se tkun qed titwaqqaf skema li permezz tagħha numru ta’ djar u negozji agrikoli magħżula se jkunu mgħejuna jbiddlu l-apparat tagħhom għall-wieħed li jagħmel użu aktar effiċjenti mill-ilma.

Sapiano żied jgħid li minħabba t-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-popolazzjoni, il-provvista tal-ilma qiegħda taħt pressjoni kbira u għalhekk din il-kampanja kienet neċessarja.

More in Socjali