Filmat | ‘Jekk hawn xi ħadd kapaċi jitfa’ annimal lura fis-selvaġġ jiena lest li nikkopera miegħu’

Il-Wildlife Park tal-Imtaħleb. Mhux moħqrija li annimali jinżammu maqfula? Għandhom biżżejjed spazju? L-ILLUM tistaqsi lill-proprjetarju

Christopher Borg
Christopher Borg

Għal ħafna hija ħarġa sabiħa. Għal oħrajn hija sempliċiment krudeltà u din il-gazzetta stess kemm-il darba ħadet pożizzjoni kontra l-azzjoni li annimali li jinżammu msakkra f’gaġeġ u bjut. Matul din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM żaret il-Wildlife Park tal-Imtaħleb. Għamilna aktar minn sagħtejn imdawra b’orsijiet, tigri, iljuni u xadini. Imma sew li dawn l-annimali jinżammu f’post bħal dan? L-ILLUM għamlet dawn il-mistoqsijiet lil Christopher Borg; sid il-Wildlife Park.

Bdejna billi staqsejnieh kif ġietu l-idea li joħloq dan il-park u jimporta f’Malta annimali selvaġġi. Jekk iħobb l-annimali ma setax rabba klieb, qtates jew għasafar?

“Nemmen li jiena twelidt b’din in-namra,” wieġeb Borg waqt li spjega kif minn meta kien żgħir kien irabbi l-għasafar.

Fi kliemu, qatt ma kien qed ikun kuntent b’dak li kellu. “In-namra tal-annimali tkun ġo fik,” insista magħna anke jekk saħaq li jħoss li llum esaġeraw. “Wasal iż-żmien li flok inżidu nibdew innaqqsu. Hija xi ħaġa sabiħa iżda issa kbirna żżejjed. Jekk mhux se nikkontrollawha, se tiġi kontrina.”

Staqsejnieh kemm għandu annimali llum f’dan il-park, bi Christopher jisħaq li lanqas hu stess ma jaf għax dejjem jitwieldu u jmutu. Jekk nieħdu t-tigri biss, għandu xejn inqas minn 20.

“Trid tieħu ħsiebhom wieħed wieħed kuljum. Trid tosservahom kuljum. Bħal meta għandek tarbija, trid toqgħod magħha,” spjegalna.

Iżda meta qed trabbi tigra jew iljun mhux bħal meta qed trabbi kelb, ħriġtu dawra, tajtu jiekol u daqshekk. Kif ikun ċert li qed jagħtihom il-kura t-tajba u biżżejjed ikel? “Ħadd ma jitwieled professur. Titgħallem bl-esperjenza. Ilna għaddejjin snin twal. Naqsmu l-esperjenzi ma’ sħabna minn barra minn Malta kuljum,” qalilna Borg.

Madanakollu insista li “qatt ma tkun taf kollox.” Fi kliemu ġieli  jesperjenzaw affarijiet li qatt ma jkunu esperjenzaw u jkunu jridu jifhmu għaliex annimal ikun aġixxa b’ċertu mod.

“Titgħallem mill-esperjenza,” reġa’ tenna. “Ġieli qabel jimrad annimal inkun naf. Kif iħares, kif iteptep għajnejh, f’liema pożizzjoni joqgħod. Kull dettall.”

Imma l-annimali kuntenti? Fis-selvaġġ ma jkunux aħjar?

Ma għamilniex din l-intervista biex nagħmlu riklam lil Christopher. Ridna nistaqsuh il-mistoqsijiet li jistaqsu ħafna u nisfidawh ukoll. Għamilna intervista sħiħa b’iljun warajna. Kemm hu kunfidenti li dan l-iljun u l-annimali l-oħra huma kuntenti?

Christopher insista li kieku l-annimali mhumiex kuntenti ma kinux jikbru b’tali mod li llum il-ġurnata, fi kliemu, lanqas jistgħu jikkontrollaw it-tgħammir.

“La l-annimal qed jgħammar, huwa sintomu li qiegħed tajjeb,” weġibna Borg.

 “Imma fis-selvaġġ ma jkunux aktar kuntenti?” staqsejnieh. “Jiena naqbel li ċertu annimali posthom fis-selvaġġ. Iljun postu fis-selvaġġ. Imma ma jfissirx lanqas li kull iljun postu fis-selvaġġ. Hemm nies jgħixu fis-selvaġġ. Imma ma jfissirx li jiena u inti postna fis-selvaġġ,” weġibna Christopher.

Tlabnieh jiċċara ftit aktar dan il-punt, li għalina deher xi ftit kontradittorju. Spjegalna li jekk annimal minn dejjem trabba f’zoo, jew inkella f’park, ma jkunx kapaċi jgħix fis-selvaġġ. Mhux se jkun kapaċi jikkaċja għall-ikel.

“Dawn li joqogħdu jgħidu li l-annimali kollha  posthom huwa fis-selvaġġ, ma jkunux jafu x’jiġifieri. Ma jkollhomx esperjenza,” insista magħna Borg.

Kieku qed inkun krudili ma nidħolx mal-annimali. Annimal mhux bħal bniedem. Annimal ma jaħfirilekx

Fi kliemu, mhux l-ewwel darba li ppruvaw jitfgħu tigri fis-selvaġġ, iżda fi kliemu “ma jirnexxilekx.”

Mistoqsi għaliex, Borg saħaq li ma tistax taqbad iljun, tigra jew kwalunkwe annimal selvaġġ ieħor u titfgħu f’xi ġungla. Spjega kif il-proċess jinvolvi riċerka biex tasal tifhem minn fejn oriġina l-annimal li tkun trid tirritorna, dak li jissejjaħ “lineage.”

“Diffiċli biex issib minn fejn oriġina annimal. Għidtha darba u nerġa’ ngħidha. Jekk hawn xi ħadd li huwa kapaċi jitfa’ lura l-annimali fis-selvaġġ, jiena lest li nikkopera miegħu biex nibdew proċess biex neħduhom fis-selvaġġ. Jiena naqbel magħha,” saħaq, kważi b’ton ta’ sfida, għal aktar minn darba.

Ritratt ta' James Bianchi
Ritratt ta' James Bianchi

‘Jien ma ngħixx mill-park’

L-ILLUM tirrimarka li hija stramba li qed jgħid hekk hu li ħoloq negozju minn dan. Ħatafna fil-kelma għax fi kliemu dan mhuwiex negozju.

“Jekk hawn xi ħadd jaħseb li dak li qed nagħmlu huwa negozju, jiena lest li nwarrab u nagħtih ċans imexxi hu.”

“Allura jekk mhux negozju x’inhu?” kompliet tistaqsi l-ILLUM. “Passjoni,” insista Borg. “Jien ma ngħixx mill-park.”

Kompla jisħaq li l-flus kollha li jdaħħlu qed jiġu investiti lura fl-annimali waqt li spjega l-ispejjeż kbar marbuta mhux biss mal-ikel, iżda anke mal-mediċina, il-manutenzjoni u s-sigurtà.

Għal ħafna attivisti favur l-annimali u kontra li dawn jinżammu maqfula, iħarsu lejn nies bħal Christopher bħala krudili, iżda hu qed jagħti stampa oħra tas-sitwazzjoni.

“Min irid jgħid li jiena krudili jgħid li jrid. Kieku qed inkun krudili ma nidħolx mal-annimali. Annimal mhux bħal bniedem. Annimal ma jaħfirhilekx,” saħaq Borg.

Allura hu minn fejn akkwista l-annimali?

Morna pass lura. Jekk qed jgħid li diffiċli jsib minn fejn oriġinaw l-annimali, allura hu minn fejn jakkwistahom?

“L-annimali kollha, mhux tiegħi biss, imma anke dawk f’zoos u parks, ma hemm l-ebda wieħed minnhom maqbud mis-selvaġġ,” insista Christopher.

“Tassigurana li hawn ġew ma hawn l-ebda annimal maqbud direttament mis-selvaġġ?” staqsejnieh. “La hawn u lanqas imkien f’Malta,” weġibna.

Kompla jisħaq li meta ġabu l-annimali, dawn ġabuhom minn zoos jew inkella minn postijiet oħra fejn jgħammru l-annimali. “It-tigri li għandna aħna, skont ir-riċerka li għamilna, ilhom ġenerazzjonijiet jinżammu f’zoos jew parks. Għalhekk diffiċli ssib minn fejn oriġinaw,” kompla Borg.

Kien għalhekk li reġa’ tenna kif ma tistax taqbad tigra li ma tafx minn fejn oriġinat u taqbad u titfagħha fis-selvaġġ. “Kif se tkun taf minn fejn oriġinat? Allura kif tgħidli postu fis-selvaġġ?” kompla jistaqsi.

Ta l-eżempju tat-tigra bajda li tinsab fil-park tiegħu u f’oħrajn.

Insista li dik ma ssibhiex fis-selvaġġ iżda hija riżultat ta’ tgħammir bejn żewġ tigri li jiġu minn xulxin.

“It is a man-made tiger,” saħaq Borg. “Mhijiex tigra li tgħix fis-selvaġġ. Fis-selvaġġ ma teżistix.”

Tul l-intervista, Christopher Borg għamel ħafna referenza għar-riċerka li fi kliemu hija essenzjali u parti integrali mil-liċenzja mogħtija lil dan il-park, li fi kliemu l-għan tiegħu huwa li jkun wieħed edukattiv u mhux sempliċiment ħarġa ta’ divertiment.

Fil-fatt, tenna li r-riċerka li jagħmlu hija intiża biex tagħti aktar informazzjoni dwar kif annimal jista’ jkun irritornat lura fis-selvaġġ.

Imma l-annimali għandhom biżżejjed spazju?

L-ispazju huwa dak li hu. Staqsejna lil Borg jekk l-annimali għandhomx biżżejjed fejn iduru għax ngħiduha kif inhi, anke sempliċiment ħuta f’akkwarju suppost ikollha l-ispazju tagħha.

Borg insista li huma jsegwu r-regolamenti għax kull tip ta’ annimal għandu bżonn l-ispazju tiegħu. Saħaq li huwa marbut bil-liġi li qabel iġib annimal ikollu l-ispazju adegwat għalih.

Tlabna lil Borg jagħtina assigurazzjoni li kull annimal għandu biżżejjed spazju. “Kieku ma għandniex l-annimali qegħdin skont il-liġi, kieku ma għandniex il-liċenzja,” weġibna Borg.

Iżda fil-bidu tal-intervista hu stess qal li beda b’tigra waħda u llum spiċċa b’għoxrin. L-ispazju għadu adegwat? “Bilfors kellna nkabbru. Ma nistgħux inżommu 20 tigra f’post fejn suppost iżżomm sitta,” kompla jinsisti.

Kien hawn li saħaq li apparti l-ispazju, wieħed irid jieħu inkonsiderazzjoni r-riżorsi waqt li fakkar li biex trabbi tigra trid tonfoq ħafna flus kuljum. “Dan huwa impenn għal għomrok...din qisha għandek tarbija li dejjem trid minnek.”

Allura jaqbel ma’ min iżommn puma fuq il-bejt? U maċ-ċirkli tal-annimali?

Jekk qed jagħti daqstant importanza lill-ispazju, allura jaqbel ma’ min iġiblek xi puma u jżommha fuq il-bejt? “Nagħżel li ma nikkummentax. L-ewwel tigra li ġibt jien fuq il-bejt tal-fabbrika żammejtha… Persważ biss li min qed iżomm puma, iħobbha daqs it-tfal tiegħu.”

Ma jibżax li tgħaddi liġi li tipprojbixxi ż-zoo kif ġie pprojbit ċ-ċirku tal-annimali? Christopher ħatafna fil-kelma u saħaq li maċ-ċirku tal-annimali huwa ma jaqbilx u li hemm differenza kbira bejn zoo u ċirku.

Dawn li dejjem jgħidu li l-annimali posthom huwa fis-selvaġġ, ma jkunux jafu x’jiġifieri. Ma jkollhomx esperjenza

“Iljun għandek tħallih bil-kwiet. Jien min jien biex noqgħod inġiegħlu jaqbeż minn ġol-ħabel u joqgħod bilqiegħda. Immaġinak minfloku, tgħaddi minn ġon-nar biex iċapċpu n-nies,” saħaq Borg.

Kompla jgħid li lanqas biss tgħaddilu minn moħħu li xi darba tgħaddi liġi li tipprojbixxi z-zoos, fosthom, għax fi kliemu, dawn huma postijiet edukattivi li qed jaħdmu favur il-konservazzjoni tal-annimali. Kien hawn li saħaq li f’dan il-park stess qed jistennew aktar tigri jitwieldu u dan meta l-għadd tat-tigri qed jonqos.

La għandhom ħafna tigri jispiċċaw ibigħu?

“Inkunu kburin meta titwieled tigra. Imma issa ġejna f’punt fejn l-ispazju sar limitat,” saħaq Borg. “Ħafna min-nies jaħsbu li meta titwieled tigra, aħna nbigħuha u naqilgħu l-flus. Mhu veru xejn. Jekk issib zoo li jaċċetta li jeħodhielek ikun qed jagħmillek pjaċir.”

“Jiġifieri intom ma tbigħux?” staqsejna lil Borg. “Jekk xi ħadd isib il-bejgħ tat-tigri, jgħidli fejn. Din is-sena kellna tlieta, irnexxielna nesportaw waħda. Il-flus tat-trasport kellna nħallsuh aħna,” weġibna waqt li insista li jesportaw biss lejn zoos oħra lliċenzjati.

U din is-sħana kollha? Tgħodd għalihom?

L-annimali kollha qegħdin barra. Il-klima f’Malta hija addata għalihom? Christopher spjega li pereżempjun tigra, bil-liġi jrid li jkollu pixxina fejn tkun tista’ tidħol u tiffriska, post għax-xemx u post għad-dell. Fi kliemu, qabel iġġib annimal irid ikollok kollox kif suppost.

“Spezzjonijiet ikun hawn?” staqsjenieh. “Regolarment,” weġibna Borg.

Il-ħruq tal-park fl-2017...

Fl-2017, Christopher, il-familja u l-annimali għaddew minn traġedja meta l-wildlife park ħa n-nar. Kienu mietu wkoll xi annimali. Tkellimna dwar dak il-lejl, bi Christopher jisħaq li kienet daqqa kbira għalih iżda li minnha ħareġ aktar b’saħħtu.

“Bl-għajnuna tan-nies u tal-Gvern ħriġna minnha malajr,” qalilna s-sid. “Għaddejna minn trawna, imma trid timxi ’l quddiem.”

Kien hawn li insista wkoll dwar l-importanza li tkun taf kif għandek taġixxi f’każ ta’ emerġenza. Spjega kif meta nħaraq il-park, irnexxielu jidħol ħdejn l-annimali selvaġġi u jsalvahom mingħajr l-ebda reżistenza jew forza. “Kieku, bħala sigurtà, kien ikollhom joqtluhom,” qalilna.

Ma jibżax jidħol mal-annimali? Jagħtihom xi kalmant biex jidħol?

Sakemm konna fil-park, Christopher daħal ħdejn iljunessa u annimali oħra qisu dieħel ħdejn qattusa. Ma jibżax? “Kieku nibża’ ma nagħmilhiex ... jekk ikolli l-iċken dubju li l-annimal mhux qiegħed f’siktu, ma nidħolx,” weġibna.

Forsi jkun hemm min jallega wkoll li lill-annimali, biex jidħol magħhom, jagħtihom xi ħaġa biex jikkalmahom. Jagħtina garanzija li ma jagħmilx hekk? “Min jaħseb hekk jiġi u jiċċekkjahom,” insista magħna Borg. Mistoqsi jekk ikunx hemm spezzjonijiet tal-veterinarji, Borg wieġeb fil-pożittiv, anzi aktar milli spezzjonijiet, insista li huma stess isejħu lill-veterinarji regolarment.

Staqsejnieh jekk qattx kien hemm każi fejn xi annimal għamel għalih. Mhux l-ewwel darba qalilna.

“Riċenti kelli waħda mill-aktar tigri fidili li attakkatni ... s’issa dejjem żgiċċajt. Toħroġ imbellah imma trid issib ir-raġuni għaliex tkun ġrat. Dejjem ikun hemm raġuni,” insista Borg.

‘Kieku għex fis-selvaġġ anke lili jiekol’

Tkellimna fuq l-iljun li għamel intervista ħdejna jilgħaq ix-xemx. X’jagħtih jiekol? Christopher spjega kif kuljum dan jiekol madwar 12-il kilo.

“Nitimgħuh sitt darbiet fil-ġimgħa, ġurnata minnhom inħalluh sajjem biex jitnaddaf minn ġewwa,” spjegalna Borg. “Fis-selvaġġ jieklu annimali bis-suf u l-ħaxix ... allura jitnaddfu waħedhom. Fiz-zoos jekk se titfagħlu l-ikel bis-suf mhux se jieklu ... Anke jekk inġibulu ħanżir żgħir ... se joqgħod jilgħab bih.”

Jekk jiġi xi ħadd u jgħidli li dak l-iljun imdejjaq u li jrid imur lura fis-selvaġġ u jista’ jagħmel dan, jiena se nikkopera miegħu

Hawnhekk erġajna morna għall-kwistjoni tal-annimali fis-selvaġġ. Fi kliem Borg dan juri kemm qatt ma għex fis-selvaġġ. “Kieku għex fis-selvaġġ anke lili jiekol,” insista Borg.

“Allura qed tgħid li jekk nitfgħuh fis-selvaġġ mhux se jgħix?” komplejna nistaqsuh. “100%,” weġibna. “Kieku jgħix, bħalissa għandi 20 tigra u nitfagħhom fis-selvaġġ. Kieku naf li jgħixu u nkun ċert li se jkunu aħjar, jiena nitfagħhom fis-selvaġġ.”

Nisfidawh tal-aħħar...

Sfidajnieh tal-aħħar. Staqsejna lil Christopher x’jagħmel jekk xi espert, jew veterinarju, wara li jaqra din l-intervista, jitlob li jmur f’dan il-park, jispezzjona l-annimali u jirriżulta li hemm minnhom imdejqa.

“Jekk jiġi xi ħadd u jgħidli li dak l-iljun imdejjaq u li jrid imur lura fis-selvaġġ u jista’ jagħmel dan, jiena se nikkopera miegħu,” temm Borg.

More in Socjali