Meta l-internet isir vizzju ... id-differenza bejn il-ġeneri u l-effetti psikoloġiċi

Vizzji. Ħafna drabi naħsbu f’xorb u droga. Imma l-internet jista’ jkun vizzju wkoll. Kont taf li l-irġiel huma iktar suxxettibbli min-nisa?

Il-ġenerazzjonijiet tal-internet
Il-ġenerazzjonijiet tal-internet

L-internet huwa fenomenu tal-ġurnata tal-lum. Kollox qed imur online, jekk huwiex aħbar, grazzi għall-immedjatezza, jekk hux xiri ta’ ħwejjeġ jew biljetti, grazzi għall-kovenjenza  jew anke qari ta’ kotba  u komunikazzjoni jew inkella biex nilagħbu xi logħba.

L-internet sar fattur illi xi ftit jew wisq qed jiddetereminalna ħajjitna u kif ngħixu, imma mhux biss! L-użu kontinwu tal-internet, speċjalment tas-siti soċjali fejn persuna tiddiskuti, tippromovi u turi, qed ifisser li aktar nies isiru vvizzjati. Ifisser li l-użu tal-internet sar vizzju għal numru ta’ nies, li saru jiddependu minnu u li saru jiddeterminaw l-emozzjonijiet tagħhom, skontu.

Iż-żewġ studji li qed inħarsu lejhom jagħmlu analiżi tal-vizzju tal-Internet. L-ewwel jistudja d-differenza bejn il-ġeneri u jasal għall-konklużjoni li l-irġiel għandhom tendenza ftit ogħla minn nisa li jesperjenzaw ir-realtà tal-vizzju relatat mal-internet. It-tieni jħares lejn l-effett tal-vizzju.

Il-persuni vvizzjati bl-użu tal-internet mhumiex ftit

Nibdew bl-istudju dwar l-ewwel u allura dak dwar il-vizzju relatat mal-internet u li jismu; ‘Are males more likely to be addicted to the internet than females? A meta analysis.’

 Dan ikkonsista minn 115-il kampjun indipendenti li involva 204,352 parteċipant u sar minn ħames studjużi differenti f’April tal-2019. Dawn huma; Xiaoli Han, Cheng Jin u Yan Yan mid-Dipartiment tal-Psikoloġija fl-Università Fuzhou, fiċ-Ċina, Wenliang Su mill-istess università u Marc N Potenza, mill-Connecticut Mental Health Center.

Skont dan ir-rapport, id-differenza fl-użu tal-internet hija ikbar fost l-irġiel milli fost in-nisa. Fil-fatt din id-differenza kibret minn 11% fl-2013 għal 12% fl-2016.

L-istess rapport jispjega illi l-vizzju tal-internet (IA), li huwa kkaratterizzat minn kontrolli eċċessivi jew preokupazzjonijiet rigward l-użu tal-internet li jwassal għal stress, huwa fenomenu klinku rilevanti. L-istess rapport  qal illi madwar 6% tal-popolazzjoni globali għandha problemi ta’ vizzji relatati mal-użu tal-internet.

Għad hemm id-differenzi bejn il-ġeneru fejn jidħol il-vizzju tal-internet

Ir-rapport isib li hemm differenzi fil-ġeneru wkoll fejn jirrigwarda din il-problema u oħrajn marbutin ma’ vizzji b’mod ġenerali.

Fil-fatt dan l-istudju jikkwota oħrajn dwar l-użu ta’ sustanzi bir-riżultat ikun wieħed ċar illi juri illi huwa aktar probabbli li raġel jagħmel użu mid-droga milli mara.

“Studju dwar l-użu ta’ sustanzi juri differenzi relatati mal-ġeneru f’dak li għandu x’jaqsam fatturi soċjali, karatteristiċi bijoloġiċi, diżordnijiet psikjatriċi u aktar.”

L-istudju jkompli jispjega kif l-IA hija aktar popolari fost l-irġiel kważi f’kull grupp kulturali, bl-istess ġeneru jkollu inqas fatturi protettivi u riskju akbar li jaqa’ f’dan il-vizzju.

L-istudju jgħid ukoll illi b’mod ġenerali ssir aktar superviżjoni fuq in-nisa meta jkunu qed jużaw l-internet milli fuq l-irġiel u allura dan iwassal biex is-subien jillaxkaw aktar u jagħmlu ħafna iktar ħin fuq l-internet.

Minkejja li kif għidna, b’mod ġenerali l-irġiel huma aktar suxxettibbli għal dan il-vizzju hemm differenzi minn pajjiż għall-ieħor kif ukoll minn żona f’pajjiż għal żona oħra fl-istess pajjiż.

Fil-fatt fi tqabbil ta’ kulturi differenti jirriżulta illi fiċ-Ċina d-differenzi huma pjuttost kbar fejn jirrgwarda IA, bi kważi 16% tal-irġiel waqgħu fil-vizzju u kważi 6% biss tan-nisa li għandhom l-istess problema.

Din hija kompletament differenti fl-Istati Uniti fejn id-dikotomija bejn il-ġeneri tinżel u ddur favur l-irġiel hekk kif 7.3% tal-irġiel kellhom prevalenza tal-IA, filwaqt li kienu 9.7% tan-nisa li kellhom dan il-vizzju.

Dan ifisser li mhuwiex daqstant u dejjem awtomatiku li l-irġiel huma aktar vvizzjati għal dak li għandu x’jaqsam l-internet.

F’żoni fl-Iran, l-Indja u l-Bangladesh, pereżempju hemm livell ogħla ta’ differenza fl-użu tal-internet, filwaqt li hija baxxa ħafna jew inkella hemm iktar nisa milli rġiel li huma vvizzjati f’pajjiżi bħal Spanja, is-Slovenja, l-Awstrija u oħrajn.

Tliet raġunijiet, imma tnejn ikkonfermati fl-istudju

Imma għaliex? Kif wieħed jispjega dawn id-differenzi fuq il-bażi tal-ġeneru?

L-istudju ta’ dawn il-ħames professuri jagħti ħarsa lejn tliet ipoteżijiet.

L-ewwel nett, ir-rapport jagħti ħarsa lejn id-disponibbilità tal-internet u allura kemm dan huwa disponibbli għall-ġeneri.

Fil-verità r-rata ta’ disponibbilità hija dejjem ogħla għall-irġiel, pratikament f’kull reġjun fid-dinja, b’differenzi konsiderevoli minn post għall-ieħor. Fl-Afrika, pereżempju, id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa li jużaw l-internet hija ta’ 23%, filwaqt li fl-Amerika hija biss ta’ 2%.

Dan juri, u dan huwa korrelat mal-istudju stess, illi l-persentaġġ ta’ nisa li jużaw l-internet huwa dejjem inqas f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Dan ifisser illi l-internet huwa inqas disponibbli għal nisa f’dawn il-pajjiżi. Imma għaliex?

Ipoteżi oħra dwar għaliex hemm differenza fl-IA fuq bażi ta’ ġeneru huma n-normi kulturali. Hemm diversi pajjiżi fejn huwa aktar aċċettabbli li raġel jingaġġa f’attivitajiet ta’ vizzji bħal xorb ta’ alkoħol, tipjip kif ukoll ta’ vizzji relatati mal-internet. Fl-Eġittu u l-Indja, pereżempju waħda minn kull ħames nisa, temmen li mhux xieraq illi mara tuża l-internet jew inkella jgħidu li l-familja tagħhom ma japprovawx l-użu tal-internet minn mara.

Dan allura jwassal biex l-irġiel ikollhom aktar kuntatt mal-internet.

U finalment l-aħħar ipoteżi hija dik illi tagħmel korrelazzjoni bejn l-istat ta’ saħħa psikoloġika  u l-ġeneru. Ir-rapport ifakkar illi s-sintomi tal-vizzju tal-użu tal-internet huma ġeneralment; nuqqas ta’ saħħa psikoloġika, stima baxxa tiegħek innifsek, skuntentizza u dipressjoni.

Ir-rapport ifakkar illi dawk li jagħmlu ħames sigħat jew aktar jużaw l-internet juru dwejjaq jew ħsieb/ippjanar ta’ suwiċidju.

Kien propost ukoll li l-użu qawwi tal-internet fost l-irġiel jista’ jkun li qed jirrifletti xewqat ta’ eskejpiżmu fl-ispazju ċibernatiku, bħala mod kif inessi d-dipressjoni.

L-istudju sab li hemm verità fl-ewwel u t-tieni ipoteżi iżda mhux għat-tielet.

Kulħadd għaddej fuq l-internet ... imma x’inhu l-effett?
Kulħadd għaddej fuq l-internet ... imma x’inhu l-effett?

Taħrab, jaqbduk id-dwejjaq u trid terġa’ taħrab

It-tieni studju li se nħarsu lejh huwa biex nevalwaw l-effett psikoloġiku ta’ dan il-vizzju. Dan sar minn erba’ studjużi: Michela Romano  u Roberta Truzoli mill-Università degli Studi di Milano u Lisa A Osborne u Phil Reed mill-Univeristà ta’ Swansea fl-Istati Uniti.

B’kollox ipparteċipaw f’dan l-istudju 50 persuna, 27 raġel u 33 mara. Dawn ingħataw test psikoloġiku biex ikunu eżaminati l-burdata u l-ansjetà ta’ persuna wara li jkunu esposti għall-internet għal kwarta.

Kien osservat tnaqqis konsiderevoli u impatt negattiv fuq il-burdata ta’ dawk li jużaw l-internet b’mod frekwenti ħafna. Imma aktar minn hekk l-istudju jgħid illi l-użu tal-internet “eċċessiv” ikun forma ta’ eskejpiżmu f’ċirku vizzjuż. “Eskejpiżmu li jbiddel il-burdata f’waħda agħar, iwassal għal bżonn għal aktar eskejpiżmu mill-burdata ħażina.”

Interessanti kif dan l-istudju sab, għalkemm qal li hemm bżonn issir aktar riċerka, illi hemm rabta bejn l-użu estensiv tal-internet u persuni bl-awtiżmu. L-istudju jgħid illi jista’ jkun li min ibati mill-awtiżmu, jippreferi l-internet bħala l-mezz favorit ta’ interazzjoni. 

More in Socjali