‘Waħdek u m’għandek xejn x’tagħmel ħlief torqod’

Il-ġimgħa l-oħra din il-gazzetta analizzat opinjonijiet dwar l-iżolament fil-ħabs. Din il-ġimgħa tkellimna ma’ eks priġunier li kien f’iżolament...

“Tħossok qiegħed waħdek, minsi minn kulħadd. Ċella apparti, mingħajr ventilaturi, toilets huma tal-ġebel u biex tiflaxxja trid timla barmil, u ilma bla pressa. Lanqas sal-librerija ma jħalluk tmur. Fix-showers m’hemmx biżżejjed misħun għal kulħadd u post mudlam. Waħdek u m’għandekx x’tagħmel ħlief torqod. Kemm toħroġ filgħodu għall-fall in biex jaraw li ħadd ma ħarab u lura fiċ-ċella.”

Hekk sostna ma’ din il-gazzetta eks-priġunier dwar il-ħajja tiegħu fil-ħabs u fl-iżolament. Hu fil-fatt kien qed jirreaġixxi għall-artiklu li deher fuq din il-gazzetta l-ġimgħa li għaddiet u li tratta l-iżolament fil-ħabs.

Dan l-eks-priġunier qal li mhu minnu xejn li jsiru testijiet qabel jitpoġġew fl-iżolament, anzi sostna mal-ILLUM illi wara li jispiċċa l-perjodu legali ta’ iżolament li skont il-liġi Maltija hija massimu ta’ 10 ijiem, ċerti priġunieri ġieli jintbagħtu f’Division 13 bħala kastig mill-ġdid.

Sfortunatament, minkejja diversi attentati u mistoqsijiet b’email lill-Kelliema tal-Ministeru tal-Intern, id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin baqa’ qatt ma wieġeb. L-ILLUM staqsiet lid-Direttur biex jgħid jekk jaqbilx li l-prattika tal-iżolament għandhiex tkun ipprojbita u kemm-il priġunier bħala medja jitpoġġa f’iżolament.

L-eks priġunier allega illi ċ-ċella li kien ikun fiha kellha ħafna ġrieden, "kont inkun rieqed tismagħhom għaddejjin, iduru miegħek. Biex tgħaxxaq imbagħad tant hu diżastru l-post li lanqas fann ma kien ikollna għax l-elettriku batut.”

“Immaġinak ġo kamra mudlama, m’għandekx x’tagħmel ħlief tipprova torqod,” jgħid il-priġunier. “Ħafna drabi għalxejn għax tkun ilek rieqed u ma jkollokx nagħas. Ġieli l-lejl lanqas b’xejn ma jgħaddi,” jinsisti u malli tqum tieħu qatgħa għax għandek ġurnata mill-ġdid, tħares, bilfors hemmhekk.”

Imma kien hemm mhux għax ħaqqu? L-eks-priġunier jispjega kif spiċċa l-ħabs u preċiżament kif spiċċa f’iżolament.

“Fl-2012 dħalt il-ħabs. Kienu mietu l-ġenituri tiegħi u prattikament spiċċajt bla ġenituri u allura spiċċajt bla saqaf fuq rasi. Għalhekk sraqt u weħilt disa’ snin ħabs. Tista’ timmaġina, disa’ snin bla appoġġ, bla familja u waħdi.”

Qal illi sentejn wara li daħal il-ħabs, daħlet xi droga ġdida fl-istess post. “Jiena qatt ma kont ħadtha din id-droga sintetika. F’kemm ili ngħidlek il-ħabs spiċċa invażat biha u kulħadd jiġġieled minħabba fiha,” qal lill-gazzetta. “Jiena dħalt f’din ix-xibka u hemmhekk (fil-ħabs) ikunu jafu li missejt mad-drogi. Jibdew ġejjin għat-test tal-awrina u jirraġunaw illi ladarba ħadt id-droga se jibqgħu jsibuk.”

Kien propju għalhekk illi l-eks-priġunier li kellem lil din il-gazzetta spiċċa f’iżolament fil-ħabs.

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tagħhom mal-gwardjani tal-ħabs meta jkunu f’iżolament hu jgħid hekk: “Isma’ ħa ngħidlek, il-gwardjani jkunu f’post għalihom, ma jkunx hemm xi kuntatt! Huma ġo kamra kollha kompjuters bl-arja kkundizzjonata u biex tkellimhom trid toqgħod tgħajjat, ‘sir, sir...’ anke biex jitfulek id-dawl.”

Huwa jsemmi inċident partikolari lura fl-2016. “Niftakar dak iż-żmien kienet għaddejja l-Euro 2016 u kien hemm il-finali bejn Franza u l-Portugall u tlabna permess ta’ darba biex iħalluna naraw il-finali. Ġie miċħud!”

Mhux abolit, imma...

Mistoqsi allura jaħsibx li l-prattika li titfa’ priġunier fl-iżolament fil-ħabs għandhiex titwaqqaf, hu qal li mhux qed jgħid li din għandha tkun abolita, “qed ngħidlek li l-kundizzjonijiet mhumiex ta’ nies speċjalment meta dejjem niftaħru bil-kwalità tal-ħajja.”

Xi ppubblikat din il-gazzetta?

Il-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM analizzat id-dokument ippubblikat mid-Dekan Andrew Azzopardi. Fih huwa qed jappella illi tkun abolita l-prattika tal-iżolament fil-ħabs primarjament minħabba l-effetti negattivi psikoloġiċi fuq il-persuni li jgħaddu minn din l-eperjenza kif ukoll minħabba li l-miżura mhix effettiva għall-għan ta’ faċilità korrettiva.

Intant din il-gazzetta kellmet ukoll lil Charles Mifsud, Chairperson tal-Fondazzjoni Rise u George Busuttil mill-għaqda li tgħin lill-priġunieri; Mid-Dlam għad-Dawl.

Dawn it-tnejn qablu li mhux neċessarjament għandha tkun abolita din il-prattika, għalkemm jinsistu li din għandha tkun kastig fiha nnifisha u allura l-Qorti m’għandhiex tordna l-iżolament u lanqas għandha persuna li tkun f’iżolament tintbagħat il-Qorti fuq l-istess każ.

More in Socjali