'Il-Gvern tilef kull forma ta' kontroll fuq t-territorju nazzjonali' - PN

Il-Partit Nazzjonalista jikkritika lill-Gvern fid-dawl tal-operazzjoni tal-awtoritajiet tat-Tnejn illi għadda

Fi stqarrija b'referenza għall-każ tat-Tnejn li għadda, meta 100 immigrant tneħħew minn binja f'Buġibba, il-PN saħaq li, "l-Gvern qiegħed jitlef il-kontroll tal-pajjiż. Dan mhux l-ewwel każ, u sfortunatament kellna numru sew ta' persuni li nġiebu f'pajjiżna mingħajr ebda forma ta' kontroll jew attenzjoni sabiex jaħdmu, li tħallew jgħixu f'dawn il-propjetajiet."

Skont il-PN, "dan huwa skandaluż u mill-iktar kundannabbli."

Żied jgħid li, "il-kwantità ta' każijiet u l-ammont kbir ta' barranin li għax ma jistgħux jsibu fejn jgħixu u jorqdu qed jidħlu f'postijiet bħal dawn, għandha ġġib kundanna nazzjonali. Jidher għalhekk mill-iktar ċar li f'dan is-settur il-Gvern tilef kull forma ta' kontroll fuq t-territorju nazzjonali. "

Il-PN kompla jgħid li xahar wara xahar mijiet ta' barranin qed jinstabu jgħixu f'postijiet li "ma jgħaddu minn ebda eżami fl-iġjene u s-saħħa."

"Mhux biss, fis-socjetà tax-xejn mhu xejn qiegħed jiġi permess abbuż mill-iktar gravi ta' ħlasijiet qawwija lil dawn l-ħaddiema li qed jigu sfruttati. Sfruttati bi ħlasijiet għolja ħafna fejn kull wieħed jikri mhux post, imma sodda fejn jista' jorqod wara ġurnata xogħol," qal il-PN.

Fl-aħħar nett huwa insista li l-Oppożizzjoni għandha raġun meta tisħaq li "s-sitwazzjoni soċjali sejra lura biċċa biċċa."

"Dawn il-persuni, la darba nġiebu mill-Gvern, ħaqqhom dinjità,  protezzjoni u ġustizzja soċjali kontra kull sfruttament. Il-PN għalhekk jidhirlu li dan l-istat tal-affarijiet juri li l-Gvern tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni u għandu jerfa r-responsabbiltà ta' dan kollu lejn il-poplu Malti," qalet l-istqarrija.

More in Socjali