Il-PN jitlob spjegazzjoni dwar kemm se jdum jopera l-vapur Nikolaos 'bil-livell fqir ta' aċċessibiltà'

Il-PN qal li filwaqt li r-raba' vapur kien bżonnjuż għal konnettività aħjar għall-Għawdxin kollha, l-passiġġieri li qed jilmentaw, għandhom dritt daqs ħaddieħor li jivjaġġaw fuq il-vapuri b'dinjità

Fi stqarrija l-Oppożizzjoni qalet li qed tinnota rapporti riċenti fil-midja dwar it-tħassib tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità dwar l-livell ta' aċċessibiltà li joffri l-vapur Nikolaos li beda' jitħaddem mill-kumpannija Gozo Channel aktar kmieni din is-sena.

"Dan it-tħassib jirrifletti l-karba ta' kategorija ta' nies li għandhom diffikultajiet fil-mobilità tagħhom sew minħabba diżabilità, età jew saħħa u li qed jilmentaw partikolarment min-nuqqas ta' lift, ħafna turġien u l-inkonvenjent u l-periklu kkawżat mill-fatt li wieħed bilfors irid jirkeb u jinżel mal-vetturi."

Żiedet tgħid li filwaqt li r-raba' vapur kien bżonnjuż għal konnettività aħjar għall-Għawdxin kollha, l-passiġġieri li qed jilmentaw, għandhom dritt daqs ħaddieħor li jivjaġġaw fuq il-vapuri b'dinjità. "Għalhekk huwa assolutament meħtieġ li l-kumpanija Gozo Channel jew il-Gvern li hu responsabbli, jagħtu spjegazzjoni ċara dwar kemm se jdum jopera l-vapur Nikolaos bil-livell fqir ta' aċċessibiltà preżenti u xi pjanijiet hemm biex din is-sitwazzjoni tiġi mtejba jew inkella jinġieb vapur ieħor b'livell sodisfaċenti ta' aċċessibiltà."

Finalment l-Oppożizzjoni qalet li qed jiżdiedu l-ilmenti mill-pubbliku, partikolarment minn dawk l-individwi b'diffikultajiet fil-mobilità tagħhom dwar it-terminal fil-port taċ-Ċirkewwa. "Fil-fatt, qed ikunu aktar spissi d-drabi meta s-side ramp mhux qed tiffunzjona u l-passiġġieri qed jintalbu jirkbu jew jinżlu mal-vetturi. Dan qed joħloq sitwazzjoni ta' nuqqas ta' aċċessibbiltà u kif ukoll periklu għalihom. L-Oppozizzjoni tappella biex din il-problema tiġi indirizzata u s-side ramp fit-terminal tal-port taċ-Ċirkewwa tkun tista' tintuża regolarment," ilmenta l-PN.

More in Socjali