'Il-burokazija qed tiżdied b'mod lampanti u l-attitudni 'it can be done' qed tintilef'

Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti jilmenta waqt laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Fid-diskors tiegħu waqt laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-President tal-Malta Developers Association (MDA) Sandro Chetcuti ilmenta li "fil-Gvern hemm min diġà għejja." Huwa qal li l-burokazija qed tiżdied b'mod lampanti u l-attitudni "it can be done" qed tintilef u minflok l-Awtoritajiet spiċċaw "strong with the weak" u "weak with the strong." "Din il-burokazija qed iddaħħal lill-investituri f'ħafna spejjeż u l-ġustizzja mhix qed issir," saħaq Chetcuti.

Għalhekk qal il-President,  "l-Assoċjazzjoni temmen li l-Oppożizzjoni tista' tkun mutur sabiex pajjiżna jimxi 'l quddiem u għalhekk hemm bżonn oppożizzjoni li tkun magħquda u b'saħħitha,:

Chetcuti qal ukoll elenka diffikultajiet oħra li qegħdin jaffaċċjaw l-iżviluppaturi fosthom in-nuqqas ta' postijiet fejn jista' jintrema l-iskart iġġenerat mill-kostruzzjoni kif ukoll diffikultajiet biex il-banek jiftħu kontijiet bankarji sabiex l-investituri jkunu jistgħu jinvestu fis-settur.

Minn naħa l-oħra, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li "Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem għal suq tal-kera b'saħħtu, regolamentazzjoni ġusta u kirjiet affordabbli."

Skontu, bis-sistema preżenti u bil-liġijiet li qed jipproponi l-Gvern mhux talli m'huwiex se jsolvi l-problemi għal min jgħix fil-kera iżda se jżidhom filwaqt li se jitfa' piż sproporzjonat fuq is-sidien, mingħajr ma jerfa' r-responsabbiltà.

"Il-problemi fis-settur tal-kirjiet ġabhom il-Gvern b'idejh stess meta għażel li jkabbar l-ekonomija ta' pajjiżna bil-popolazzjoni mingħajr pjan fit-tul, u dan qed iħalli effett negattiv fuq bosta setturi fosthom fuq il-propjetà."

Huwa qal li dawn il-problemi qegħdin iħallu impatt negattiv fuq iż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu li jixtru propjetà biex ikollhom saqaf fuq rashom u fuq l-anzjani li bit-tibdil fil-liġi se jaraw li se jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.

 

More in Socjali