Waħdi f’iżolament fil-ħabs. Imma sew hekk? Min jgħid iva u min jgħid le

Iċ-ċella tal-iżolament. Dixxiplina jew inkella krudeltà? L-ILLUM tistaqsi u tistħarreġ

Immaġinak ġo kamra waħdek ’il bogħod minn prattikament kull kuntatt reali man-nies, għajr dawk li qed iġibulek xi ikel u xorb u li joħorġuk mill-kamra illi fiha int maqful. Tħossok se tiġġennen, mhux hekk?

Fil-fatt din hija realtà ta’ dawk il-priġunieri li jispiċċaw issegregati waħedhom f’ċella (solitary confinement), f’każi estremi ta’ dixxiplina kif ukoll fir-rigward ta’ sigurtà fil-ħabs. Mhux l-ewwel darba illi f’xi serje jew film li huwa bbażat f’ħabs naraw persuna li qed iġġib ruħha b’mod ħażin tintbagħat f’din iċ-ċella waħedha.

F’Malta, din il-ġimgħa, id-Dekan tal-Fakultà tal-Benesseri Soċjali Andrew Azzopardi ħareġ dokument illi fih spjega għaliex din il-prassi għandha titwaqqaf, primarjament għaliex, skontu, mhix qed tħalli l-frott, anzi qed taħdem kontra l-għan ewlieni tagħha u tal-għan ta’ faċilità korrettiva.

Il-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn l-istorja tal-prattika u għaliex Azzopardi ħass li kellu jaqsam l-opinjoni tiegħu fuqha.

Imma x’għandu kontriha Azzopardi?

Ħafna wkoll. Azzopardi jinsisti li huwa tal-fehma li l-ħabsijiet bl-istruttura kurrenti tagħhom huma ta’ ħsara għall-uman u detrimentali għall-benesseri tagħhom.

Huwa jirrimarka kif sfortunatament il-mentalità għadha dik illi l-ħabs għandu jkun post ta’ tpattija. “Is-segregazzjoni ta' ħabsin f'ċelel waħedhom għandha tintuża biss biex tikkontribwixxi għar-riforma imma ma tagħmilx hekk, anzi sservi biex tkisser l-ispirtu tal-priġunieri u ġġegħelhom jobogħdu aktar is-soċjetà,” sostna Azzopardi.

Fil-fatt hu jikkwota diversi esperti li juru illi din il-prattika falliet milli tilħaq l-oġġettivi tagħha.

“Is-segregazzjoni ta' ħabsin f'ċelel waħedhom taffettwa lill-uman fuq kull livell possibbli, ħafna drabi b’mod permanenti ... jiena naħseb li hija miżura ddisprata għal dawk li m’għandhomx soluzzjonijiet,” jgħid Azzopardi.

Jisħaq illi x-xogħol tajjeb li qed isir mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed ikun mħassar xi ftit mill-fatt illi għadha tiġi pprattikata Is-segregazzjoni ta' ħabsin f'ċelel waħedhom.

Andrew Azzopardi
Andrew Azzopardi

X’sab studju f’ħabs f’Kalifornja?

Biex isaħħaħ l-argument tiegħu favur il-projbizzjoni tas-segregazzjoni, Azzopardi jsemmi studju ta’ psikoloġista f’ħabs b’sigurtà massima f’Kalifornja fl-2003. Dan l-istudju analizza 100 priġunier minn din il-faċilità u sab li ħafna minnhom kienu qed jesperjenzaw livelli għoljin ta’ ansjetà, rabja irrazzjonali, irritabilità, taħwid mentali u sensittività ogħla.

Ħafna minn dawk li kienu ssegregati f’ċella waħedhom, saru tant iddisprati, jgħid l-istudju, li esperjenzaw breakdown psikoloġiku li rriżulta f’persuni jweġġgħu lilhom infushom u fl-iktar każi estremi anke suwiċidju.

Intant Azzopardi jikkwota numru ta’ studji oħrajn, fosthom Arrigo u Bullock, 2008 u Cloyes et al, 2006, li juru kif is-sintomi ta’ żmien issegregati f’ċella kienu diversi u varji.

Fost dawn hemm reazzjonijiet fiżiċi relatati mal-istress (nuqqas ta’ aptit, idejn jitriegħdu, palpitazzjonijiet ...), ansjetà u paniku, rabja, agressjoni, paranojja, fantasiji vjolenti, letraġija, telfien ta’ kontroll emozzjonali u diversi sintomi oħrajn.

X’qed jitlob li jsir Azzopardi?

Andrew Azzopardi qed jitlob li l-Parlament jiddiskuti din il-materja biex is-segregazzjoni tal-priġunieri f’ċella waħedhom, tkun imwaqqfa u pprojbita immedjatament.

Huwa qed jagħmel l-appell tiegħu lill-President, lill-Prim Ministru, lill-Kap tal-Oppożizzjoni, lil diversi Ministri, lill-Prim Imħallef, lill-Ispeaker u lid-deputati kollha fil-Parlament.

“Li naqflu persuni ġo ċelel daqs naqra għal sigħat sħaħ mhijiex se tagħmel lill-komunità tagħna aktar sigura,” jgħid Azzopardi.

‘Jekk kont issegregat f’ċella waħdek inħoss li hija krudili li terġa’ tittella’ l-Qorti’

Intant il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Charles Mifsud, Chairperson tal-Fondazzjoni Rise u George Busuttil mill-għaqda li tgħin lill-priġunieri; Mid-Dlam għad-Dawl.

It-tnejn kellhom reazzjoni xi ftit jew wisq simili u qablu fuq punti komuni.

Fil-fatt kemm Busuttil u anke Mifsud jemmnu li jekk priġunier jintbagħat f’ċella għalih bħala kastig għal xi ħaġa li wettaq fil-ħabs, m’għandux imbagħad xorta jittella’ l-Qorti u jeħilha darbtejn.

Mifsud sostna illi mhix ġusta li persuna tintbagħat il-Qorti fuq xi ħaġa li diġà ġiet kkastigata għaliha. Min-naħa tiegħu, Busuttil saħansitra qal illi hija krudeltà li persuna illi diġà ngħatat kastig, tingħata kastig ieħor.

It-tnejn ukoll qablu illi l-Qorti m’għandhiex tibqa’ tagħti sentenzi li fihom tobbliga l-applikazzjoni tas-segregazzjoni f’ċella.

Mifsud jinsisti mal-ILLUM illi l-iżolament għandu jkun kastig minnu nnifsu u finali,  mhux jiżdied bħala kastig fuq kastig ieħor.

L-istess Busuttil, li jfakkar illi fis-sentenza diġà hemm il-kastig u allura mhuwiex ġust li jkun hemm kastig ieħor.

‘Ma tistax teskludiha kompletament...’

Busuttil sostna li fi Dlam għad-Dawl, ma jiltaqax ma’ daqstant persuni li kienu f’iżolament, għalkemm ifakkar illi ħafna drabi persuni jiġu ssegregati f’każijiet serji ħafna jew b’ordni tal-Qorti.

“Dan kollu huwa kkontrollat, fis-sens illi hemm kontroll fuq il-priġunier li jkun qiegħed f’iżolament; kontroll ta’ saħħtu, fiżikament u anke mentalment,” ifakkar Busuttil.

Ifakkar ukoll li din il-prattika ma tħallikx kompletament waħdek u persuna xorta jkollha kuntatt ma’ numru ta’ nies.

“Ma tistax teskludiha kompletament, però iva ejja niddiskutuha,” appella Busuttil.

‘Trid tikkunsidraha fil-kuntest tagħha...’

Mifsud sostna illi wieħed jeħtieġ jieħu l-kwistjoni fil-kuntest tagħha, fil-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem, iżda wkoll tas-sistema fil-faċilità.

Fakkar illi jekk titneħħa għal kollox il-prattika ta’ iżolament tista’ tkun ħażina għax dak li, biha, jkun joqgħod aktar attent. Jammetti, però li fl-istess ħin tista’ tkun ta’ detriment għall-persuna li qed tgħaddi mill-kastig.

“Trid tara kull każ għalih,” jinsisti Mifsud.

Busuttil jaqbel ukoll u jgħid li huwa diffiċli telimina din il-prattika b’mod komplet għax jista’ jkun hemm kwistjonijiet ta’ sigurtà fil-ħabs.

 

U x’inhu l-kuntest legali ta’ din il-prattika?

Il-liġi f’Malta tgħid illi perjodu ta’ iżolament m’għandux ikun itwal minn 10 ijiem u b’intervalli ta’ xaharejn. Tgħid ukoll iżda illi jekk il-priġunier jerġa’ jwettaq offiżi jista’ jerġa’ jitpoġġa f’iżolament, basta dan ma jkunx ta’ perjodu itwal minn 15-il jum.

Qabel ma jingħata dan il-kastig, il-Qorti Kriminali trid tkun ċerta illi r-raġel huwa fi stat tajjeb ta’ saħħa u jekk hemm bżonn jgħaddi minn eżaminazzjoni medika. Jekk l-eżaminatur mediku, waqt l-applikazzjoni ta’ dan il-kastig, iħoss li din il-persuna m’għadhiex fi stat ta’ saħħa tajba għandha dritt li tissospendi dan il-kastig.

Imma f’Malta biss qed isiru attentati bħal ta’ Azzopardi?

Lanqas xejn. Fil-fatt f’diversi stati fl-Istati Uniti tal-Amerika qed isiru attentati biex tkun ipprojbita jew imrattba din il-prattika.

Fi New York, pereżempju, għaddiet mill-Assemblea l-liġi HALT Solitary Confinement ACT. Din qed tipproponi diversi salvagwardji biex taċċerta li fl-ebda każ ma jkun hemm persuna li mhix qiegħda fl-iżolament. Fosthom, dan l-Att jitlob li jkun hemm eżaminazzjoni tajba tal-priġunieri, l-aktar f’dak li jirrigwarda saħħa mentali.

Connecticut ukoll se tħarrax il-projbizzjoni hekk kif wara liġi li għaddiet xorta baqa’ jkun ipprattikat l-iżolament. Għalhekk dan l-istat qed jaħdem biex jipprojbixxi din il-prattika għall-adulti u ż-żgħażagħ.

Ir-riċerkatriċi Judith Resnik tgħid illi il-prattika tal-iżolament fil-ħabsijiet hija “fil-fatt sors ta’ aktar vjolenza.”

U fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-bniedem x’ġara?

Fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, hemm diversi każijiet li jirrigwardaw l-iżolament fil-ħabs. Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn il-każ: Ramirez vs Franza.

L-applikant, li huwa terrorist magħruf, kien impoġġi f’iżolament fi Franza għal tmien snin wara li nstab ħati ta’ diversi akkużi relatati ma’ terroriżmu.

Huwa kien issegregat minn priġunieri oħrajn imma kellu aċċess għal televixin, gazzetti u kellu ċ-ċans li jkollu żjajjar mill-familjari u avukati.

Meta l-Qorti Ewropea ħadet nota tal-karattru tar-raġel u l-periklu li hu joħloq, iddeċidiet li l-kundizzjonijiet li kien fihom ma kinux laħqu livelli severi biżżejjed biex jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Minkejja dan, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, irrikonoxxiet it-tħassib tal-Kumitat Ewropew tal-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT) dwar l-effetti fit-tul u possibbli tal-iżolament. Il-Qorti, issottolineat illi l-iżolament, anki f’każ ta’ iżolament relattiv, ma jistax ikun impost b’mod indefinittiv.

L-Istat għandu kull tant żmien jirrevedi l-iżolament ta’ priġunier u jagħti raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni biex titkompla s-segregazzjoni u tiġi ssorveljata l-kundizzjoni mentali u fiżika tal-priġunier. 

More in Socjali