'Hemm persuni li qed jaħdmu u xorta waħda jinsabu f'riskju ta' faqar'

L-Alleanza Kontra l-Faqar tinsisti li għandu jkun hemm tibdil fil-mod kif tiġi kkalkulata ż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja

L-Alleanza Kontra l-Faqar innutat il-fatt li madwar 80,000 persuna qed jaqilgħu inqas minn 9,000 ewro fis-sena, jiġifieri 17% tal-popolazzjoni qegħdin fil-faqar jew inkella qed jilagħbuha miegħu.

“Dan huma persuni li jridu jgħoddu sal-inqas ewro biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar u jekk tinqala’ xi spiża ma jwasslux,” saħqet l-Alleanza fi stqarrija. “L-AKF temmen li ħajja f’riskju ta’ faqar mhijiex ħajja dinjituża.”

L-Alleanza kienet qed tirreaġixxi għar-rapport (SILC), ippubblikat dan l-aħħar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Filwaqt li rrikonoxxiet il-fatt li l-Gvern qed iħares lejn il-faqar f’Malta bħala realtà u tirrikonoxxi wkoll li bis-saħħa ta’ miżuri varji tul is-snin ċertu tip ta’ faqar f’Malta qed jibqa’ dejjem jonqos, insistiet li fadal ħafna xi jsir.

Fakkret li fost dawn it-80,000 hemm pensjonanti, persuni li jrabbu t-tfal waħedhom, familji kbar.

Iżda nnutat ukoll li l-aktar fatt interessanti huwa li 6.4% tan-nies f’riskju ta’ faqar huma nies li qed jaħdmu u xorta waħda mhux jgħixu ħajja dinjituża.

“9,000 euro fis-sena jfissru bejn wieħed u ieħor il-paga minima, mela dan id-dhul lil dawn qed iġegħelhom jgħixu fir-riskju tal-faqar,” saħqet l-Allenza.

L-AFK kompliet tisħaq dwar il-bżonn li jkun hawn “riga” li biha jitkejjel il-faqar għal diversi familji differenti u d-dħul li għandhom.

“Ir-rapporti importanti tal-Caritas, A minimum essential budget for a decent living (2012, 2016) urew li tipi ta’ familji differenti għandhom bżonnijiet differenti u għalhekk għandu anki jkollhom dħul minimu differenti biex jiġi assigurat li jgħixu ħajja dinjituża,” saħqet l-AFK. “Dawn ir-rapporti ma tantx nisimgħu fuqhom meta niġu biex nikkumparaw id-dħul ta dawn il-familji u kemm għandhom bżonn biex jgħixu ħajja diċenti. Jidher li dawn ir-rapporti ntefgħu fuq l-ixkaffa kemm fl-2012, kif wkoll fl-2016.”

L-AKF għalhekk ipproponiet li għandu jkun hemm tibdil fil-mod kif tiġi kkalkulata ż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja (COLA).

“Nipproponu li jintagħrfu gruppi soċjali differenti u jkun hemm kalkulazzjoni tal-COLA li tkun speċifika għal kull grupp,” insistiet l-istqarrija. “Kif inhi s-sistema bħalissa hi inġusta ma’ min jaqla’ dħul baxx. L-RPI mhuwiex jaqbad l-għoli tal-ħajja għal min hu fqir, u ż-żieda tal-COLA lil ċertu gruppi, bħal pensjonanti, mhux talli mhux qed tikkumpensahom għall-għoli tal-ħajja, iżda qed tkun bla effett, bir-riżultat li dawn in-nies qed ikomplu neżlin fil-faqar. 

Temmet tisħaq li għandu jkun hawn diskusjsoni nazzjonali serja fuq il-Living Income. Insistiet li huwa ċar li l-paga minima f’Malta flok ma hi garanzija li wieħed ikollu bizzejjed biex jgħix ħajja diċenti, hija garanzija ta’ ħajja mhux dinjituża.

More in Socjali