‘Oqogħdu attenti f’liema gyms tibagħtu t-tfal tagħkom’

Wara dak żvelat mill-ILLUM dwar il-produzzjoni ta' steroids illegali, konsulent tal-boxing f’Malta jwissi u jappella għal aktar infurzar

“Oqogħdu attenti f’liema gyms tibagħtu t-tfal tagħkom jitħarrġu.  Qabel taslu għad-deċiżjoni finali għamlu r-riċerka tagħkom.” Dan kien l-appell ta’ Edwin Micallef  f’isem il-Malta Boxing Association li f’intervista qasira mal-gazzetta ILLUM saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar infurzar fil-konfront ta’ dawk li jabbużaw minn sustanzi illeċiti fl-isport tal-Boxing.

“Il-problema mhix limitata biss għall-boxing, iżda f’dan tal-aħħar hi kbira.  L-isteroids qed jinxtraw min fuq l-idejn u diversi atleti qed jittaqqbu fil-gyms fejn jattendu wkoll numru ta’ tfal. Tlifna l-kontroll,” sostna Micallef.

Il-ġimgħa l-oħra din il-gazzetta żvelat operazzjoni sħiħa ta’ laboratorji illegali ta’ steroids f’Malta li qed  jipproduċu u jbigħu dawn id-drogi għal €35 d-doża u saħansitra esportati lejn pajjiżi bħal Ċipru, il-Ġermanja u l-Italja.

Micallef, li huwa wkoll il-konsulent tekniku għall-MBA jiżvela s-sitwazzjoni preokkupanti ta’ ċertu gyms li qed jitmexxew minn persuni li attwalment jinsabu sospiżi minħabba li kisru r-regoli tad-doping.

“Fl-aħħar ħames snin, l-MBA issospendiet sitt atleti fuq l-użu ta’ dawn l-isteroids. Minkejja dan ftit huma s-sospensjonijiet li qed jiġu onorati. Suppost l-atleti li jinqabdu bid-doping ma jistgħux joffru taħriġ lit-tfal. Din qiegħda miktuba iswed fuq abjad fis-sospensjoni. Minkejja dan kollu, din mhux qed tiġi inforzata. Hawn diversi gyms li qed jitmexxew minn dawn l-atleti sospiżi,” saħaq Micallef.

Skontu din hi ta’ inkwiet kbir, hekk kif it-tfal qed jiġu introdotti f’ambjent iddominat minn dawn id-drogi. “Jekk naraha jiena mhux se tagħmilli differenza iżda għal tifel t’età żgħira taf tkun influwenti ħafna. Neħħenja l-kunċett ta’ dixxiplina,” sostna l-konsulent tekniku tal-MBA.

Iżda allura l-MBA ma tista’ tagħmel xejn? Għaliex fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, l-Assoċjazzjoni ma tiħux passi? Fuq din Micallef kien pront jisħaq li, “l-MBA hi Assoċjazzjoni u mhux Awtorità u għalhekk is-sospensjonijiet, sorveljanza u azzjonijiet diretti kollha jridu jiġu mill-Għaqda Nazzjonali ta’ Kontra d-Doping (NADO).

Madanakollu, hu ilmenta li sorveljazzjoni u azzjonijiet diretti minn din l-għaqda f’Malta ftit li xejn isiru.

Edwin Micallef: Konsulent Tekniku fi ħdan il-Malta Boxing Association (MBA)
Edwin Micallef: Konsulent Tekniku fi ħdan il-Malta Boxing Association (MBA)

‘Jekk tkun gym onest ma tkampax’

Mistoqsi mill-ILLUM fuq kif dawn id-drogi qed jiġu introdotti fil-gyms, Micallef irrakkonta kif il-kożmetika u dehra fiżika saret instrumentali fl-għażla taż-żgħażagħ. “Jiena kelli gym, u kien wieħed onest. Meta tkun onest ma tkampax, meta jkollok gym jaħdem ‘bl-imbarazz’ timxi.”

Dan għaliex skontu,  “ikollok ftit persuni li jiġu

 għaliex verament iħobbu l-isport u ħafna oħrajn li jfittxu l-isport għad-dehra u kożmetika. Dawn tal-aħħar, ħafna drabi ma jkollhomx paċenzja u allura meta jsibu gym li joffri dawn id-drogi malajr jibdew jaraw ir-riżultati.”

Skont Micallef, “dawn il-gyms li joffru drogi illegali li jsebbħuk f’qasir żmien u li huma ta’ periklu kbir għas-saħħa tal-bniedem qed joħolqu stampa falza għall-isport.”

L-użu ta’ steroids speċjalment dawk immanifatturati fil-black market huma ta’ periklu kbir għas-saħħa tal-bniedem. Marbut ma’ dawn id-drogi hemm relatati lista twila ta’ effetti sekondarji fosthom, problemi fil-kliewi, riskju ta’ kanċer, dipressjoni, ansjetà, acne, telf tax-xagħar, pressjoni tad-demm għolja, aggressività u rata ta’ qalb mgħaġġla.

Xi żvelajna l-ġimgħa l-oħra?

Bħal-lum ġimgħa din il-gazzetta żvelat l-operazzjoni ta’ diversi laboratorji illegali li qed jimmanifatturaw steroids anaboliċi illegali sabiex jintużaw mill-atleti. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw fid-dettall li l-aktar drogi komuni huma: Sustanon, Nandrolone Decatonate, Trenbolone Acetate u Testosterona Cyponate. 

Dawn qed jiġu mmanifatturati f’laboratorji illegali u mibjugħa f’dożi ta’ 10ml għall-prezz ta’ €35. Apparti minn hekk, is-suq għal dawn id-drogi tant huwa kbir li apparti li jinbiegħu f’Malta, dawn qed ikunu wkoll esportati f’pajjiżi barra minn xtutna b’servizz ta’ courier express fosthom lejn Sqallija, il-Ġermanja u Ċipru.

Il-bejgħ u l-użu ta’ dawn id-drogi mingħajr riċetta tat-tabib jew liċenzja neċessarja hu illegali u jġorr miegħu piena ta’ ħabs. Madanakollu sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta kienu spjegaw li l-użu ta’ steroids illegali fl-isports hi prassi komuni f’Malta u li l-awtoritajiet idawru wiċċhom għal dawn l-operazzjonijiet illeċiti għax ma jqisuhomx fl-istess livell ta’ drogi oħrajn.

More in Socjali