'Il-Libja mhuwiex post sigur ... l-immigranti jirriskjaw tortura, stupru u skjavitù' - Aditus

Aditus tappella lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sabiex jieħdu r-responsabbiltà għat-traġedja li qed tiżvolġi fuq l-għatba tal-Ewropa

Hekk kif ‘il fuq minn 350 persuna fosthom nisa u tfal jinsabu bejn sema u ilma jistennew sabiex jitħallew jidħlu fil-portijiet Ewropew, il-Fondazzjoni Aditus ħarġet stqarrija u ħeġġet lil Malta sabiex għal darb’oħra tmexxi bl-eżempju u tħalli lil dawn l-immigranti jiżbarkaw f’Malta.

“Huwa inaċċettabbli li wieħed jargumenta li l-immigranti salvata għandhom jintbagħtu lura lejn il-Libja, fejn jirriskjaw priġunerija f'kundizzjonijiet inumana, tortura, stupru u saħansitra skjavitù. Il-Libja ma tistax titqies port sigur u għalhekk huwa importanti li instab soluzzjoni oħra għall-immigranti salvata,” qalet l-istqarrija.

Apparti minn hekk Aditus qalet li l-Unjoni Ewropea li suppost hi mfassla fuq il-valuri tas-solidarjetà u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, għandhom l-obbligu legali li joffru kenn lill-persuni li jaħarbu mill-persekuzzjoni. “Li l-Ewropa tagħlaq il-bibien tagħha hi kundabbali.”

Finalment huma qalu li huwa ċar li l-Istati Membri fil-fruntieri tal-Ewropa bħal Malta, l-Italja u l-Greċja ma jistgħux jibqgħu jindirizzaw din l-isfida waħedhom.

Aditus appellat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jieħdu r-responsabbiltà għat-traġedja li qed tiżvolġi fuq l-għatba tal-Ewropa u sabiex jiżguraw li kull fejn ikunu żbarkati n-nies jintlaqgħu f'kundizzjonijiet ta 'dinjità

More in Socjali