Il-Kummissarjat imħasseb dwar preżenza ta' tfal f'postijiet u attivitajiet intenzjonati għall-adulti

Il-Kummissarjat għat-Tfal jisħaq li t-tfal qed ikunu esposti għall-użu tax-xorb, sigaretti u sustanzi apparti prattiċi ta’ mġieba mhux xierqa

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qed jappella lill-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb lit-tfal biex jassiguraw li ma joħduhomx f’postijiet ta’ divertiment intenzjonati għall-adulti.

“L-Ufficcju tal-Kummissarju għat-Tfal qed jinnota bi tħassib li tfal u adolexxenti qegħdin spiss ikunu preżenti f’postijiet ta’ divertiment intenzjonati għall-adulti, bħal bars, clubs, parties u avvenimenti oħra,” saħqet l-istqarrija maħruġa mill-Kummissarjat.

Insista li f’dawn il-postijiet, it-tfal qed ikunu esposti għall-użu tax-xorb, sigaretti u possibilment sustanzi oħra li jistgħu jagħmlulhom il-ħsara.

“Iktar minn hekk il-minuri qed jesperjenzaw prattiċi ta’ mġieba mhux xierqa u degradanti li tista’ tħalli impatt negattiv fuqhom bħal per eżempju konsum eċċessiv ta’ xorb u tabakk, ġlied u diżrispett lejn persuni oħra,” saħaq il-Kummissarjat.

Insista li t-tfal għandhom dritt jitrabbew f’ambjent pożittiv u għalhekk ħeġġeġ lill-ġenituri, qraba u adulti oħra fil-ħajja tat-tfal biex iħallu lit-tfal igawdu tfulithom u jipproteġuhom kif inhu xieraq.

More in Socjali