Attivitajiet, ikel u miżuri ambjentali; l-Ajruport iħejji għall-aktar jiem impenjattivi li qatt ra

L-Ajruport ħareġ għadd ta' suġġerimenti għall-passiġġiera waqt li ħejja għadd ta' miżuri u attivitajiet biex joffri l-aħjar servizz lill-klijenti

185,000 passiġġier se jkunu qed jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sa nhar il-Ħadd li ġej, jiem li mistennija jkunu l-aktar jiem impenjattivi li qatt ra l-ajruport.

L-attività ġewwa l-ajruport mistennija tilħaq il-quċċata nhar il-15 t’Awwissu. B’kollox, 182 tlugħ u nżul tal-ajruplani huma skedati għal dakinhar, filwaqt li mistennija jgħaddu 30,000 passiġġier.

Madwar 2,000 passiġġier mistenni jgħaddi mill-ajruport f’temp ta’ siegħa fl-iktar ħinijiet impenjattivi matul Awwissu.

Propju għalhekk li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jappella lill- passiġġieri li se jsiefru matul din il-ġimgħa biex jaslu l-ajruport mill-inqas sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq tat-titjira.

Il-passiġġieri qed ikunu huma mistiedna wkoll jagħmlu użu mis-seating area l-ġdida tal-ajruport, fejn wieħed jista’ jistrieħ fil-kumdità jew jiċċarġja l-aġġeġġi tiegħu qabel ma jsiefer.

Taf li tista’ taqbeż il-kju

L-Ajruport qed javża wkoll biex passiġġieri li se jivvjaġġaw ma’ Lufthansa, Aegean Airlines, SAS Airlines, Turkish Airlines, British Airways jew Qatar Airways jistgħu jagħmlu użu mill-erba’ self-check-in kiosks li ġew installati fis-Sala tat-Tluq.

Wara li jirreġistraw lilhom infushom għat-titjira, l-passiġġieri jkunu jistgħu jaqbżu l-kju u jħallu l-bagalji tagħhom mal-bank ta’ prijorità tal-kumpanija tal-ajru li jkunu se jsiefru magħha.

Il-ħanut tad-Duty-Free tal-ajruport ukoll introduċa servizz ta’ xiri onlajn, li permezz tiegħu l-passiġġieri jistgħu jiffrankaw il-ħin billi sempliċiment jiġbru l-ordni tagħhom minn wieħed mill-kaxxiera tal-ħanut, huma u sejrin lejn il-gate tat-tluq tagħhom.

Is-seating area l-ġdida fl-ajruport
Is-seating area l-ġdida fl-ajruport

L-MIA iħeġġek tieħu ħsieb l-ambjent

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iħeġġeġ lill-passiġġieri biex inaqqsu l-impatt tal-ivvjaġġar tagħhom fuq l-ambjent billi jsegwu xi pariri sempliċi iżda effettivi.

Fost il-pariri, li nħarġu bl-għan li jitnaqqas l-iskart iġġenerat f’kull stadju tal-vjaġġ tal-passiġġier, wieħed isib it-tnaqqis fil-piż tal-bagalji u l-użu ta’ trasport alternattiv lejn l-ajruport, kif ukoll l-użu ta’ fliexken li wieħed jista’ jimla mill-funtani tal-ilma li jinsabu mxerrda madwar l-ajruport.

Jassigura wkoll mumenti speċjali għall-passiġġiera

Bl-għajnuna ta' entitajiet u msieħba oħra, l-Ajruport qed iħejji sorpriżi sajfin lil passiġġieri ta’ kull età.

Filwaqt li pastizzi, ġelati u luminati se jitqassmu fis-Sala ta’ Tluq kuljum, attivitajiet speċjali, immirati lejn l-40,000 tifel u tifla li se jivvaġġaw matul Awwissu, ma jonqsux.

More in Socjali