'Mhux se noqgħod kwieta qabel nidħlu lura'; Xahrejn wara ħames familji għadhom fl-għama

Janet Walker tmur fuq il-post biex turi li kollox għadu kif kien xahrejn wara 

Xahrejn ilu, fit-13 ta’ Ġunju, ħames familji spiċċaw barra fit-triq wara li ċeda wieħed mill-ħitan tad-djar tagħhom biswit sit ta’ kostruzzjoni fi Gwardamangia.

Illum dawn il-familji għadhom ma jafux x’se jsir minnhom.

Dalgħodu, permezz ta’ Facebook Live, Janet Walker, waħda mir-residenti marret fuq il-post biex turi kif xahrejn wara, ir-residenza tagħhom għadha kif kienet.

“Jiena, l-ewwel waħda, għamilt minn kollox biex nirrapporta lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Uffiċċju għar-Regolazzjoni tal-Bini, lill-perit, lill-iżviluppatur, ħafna qabel seħħ l-inċident. Għandi d-dokumenti kollha ... għalfejn se tibqa’ għaddejja l-investigazzjoni?” staqsiet Walker waqt li fakkret li ħallset minn butha biex ikollha residenza proviżorja u anke għall-perit u l-avukat.

Fi kliemha, is-sitwazzjoni li tinsab fiha hi u l-familji l-oħra tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

“Il-Perit daħak bija u l-iżvillupatur pprova jintimidani billi xejjer idejh f’wiċċi. Mhux se noqgħod kwieta qabel nidħlu lura u nkunu siguri,” saħqet Walker.

More in Socjali