80% taż-żgħażagħ Maltin jgħidu li huma sodisfatti bl-edukazzjoni li jirċievu

Din ir-riċerka saret mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li fiha pparteċipaw 511 żagħżugħ/a mill-faxxa tal-età bejn is-16 u t-30 sena.

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet annwali tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ bit-tema ‘Transforming Education’, ġiet ippreżentata riċerka minn Aġenzija Żgħażagħ li tagħti ħarsa lejn l-esperjenzi, l-aspettattivi u l-opinjonijiet taż-żgħażagħ dwar l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-istili ta’ ħajja. 

Ir-riżultati juru fost l-oħrajn li tmenin fil-mija taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin huma sodisfatti bl-edukazzjoni li jirċievu u bl-opportunitajiet varji li jsibu fl-impjieg tagħhom. Din ir-riċerka turi wkoll li 3 minn kull 4 żgħażagħ huma kuntenti bil-kwalità tal-ħajja u bl-imġiba soċjali pożittiva u kostruttiva f’pajjiżna. Fatt interessanti hu li 60% taż-żgħażagħ huma kuntenti li s-soċjetà Maltija qed tevolvi, b’10% biss jgħidu li qed tkun wisq liberali.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li l-gvern hu impenjat li tibqa’ ssir riċerka kontinwa fuq il-ħajja taż-żgħażagħ f’Malta sabiex il-politika taż-żgħażagħ tkun ibbażata fuq evidenza għall-kisba ta’ riżultati dejjem aħjar.

Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda li, “ir-rapport jenfasizza wkoll li l-maġġoranza taż-żgħażagħ mhumiex membri ta’ xi għaqda, minkejja li l-figuri huma bħal dawk tal-medja Ewropea, xorta waħda hu punt għal titjib sabiex ikollna aktar żgħażagħ attivi fil-komunitajiet biex nilħqu l-miri tagħna.”

Il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ hu ċelebrazzjoni dinjija maħluqa mill-Ġnus Magħquda li jgħaqqad miljuni ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja permezz ta’ diversi attivitajiet u avvenimenti. Iż-żgħażagħ huma l-aġenti tal-bidla u din iċ-ċelebrazzjoni annwali hi tifkira qawwija tal-importanza taż-żgħażagħ fis-soċjetajiet madwar id-dinja.

Din ir-riċerka saret mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li fiha pparteċipaw 511 żagħżugħ/a mill-faxxa tal-età bejn is-16 u t-30 sena.

More in Socjali