'Jibqa' abbuż anke jekk bil-kunsens u bi ħlas' - Il-Kummissjoni għall-Ugwaljanza

L-NCPE saħqet li grupp ta’ rġiel ħassewhom fid-dritt li “jixtru” mara u ħadu gost jaggreduha, jirredikolawha u jiddisprezzaw id-dinjità tagħha

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza kkundannat il-filmat ta’ mara tiġi ssuttata mill-bajd minn irġiel waqt bachelor’s party, liema filmat qed idur fuq il-midja soċjali.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni wriet it-tħassib tagħha għall-fatt li din il-mara mhux biss sfat abużata u umiljata, iżda l-aggressjoni ġiet iffilmjata u ċċirkulata.

“Huwa verament inkwetanti li hemm min isib pjaċir f’li jirredikola u jweġġa’ lil ħaddieħor u sa anka jasal biex jiftaħar b’din l-imġieba,” saħqet il-Kummissjoni

L-NCPE insistiet li l-ġustifikazzjoni tal-organizzaturi li dan l-abbuż twettaq bil-kunsens tal-vittma u bi ħlas bl-ebda mod ma tbiddel in-natura ta’ dan l-inċident: grupp ta’ rġiel ħassewhom fid-dritt li “jixtru” mara potenzjalment vulnerabbli, u ħadu gost jaggreduha, jirredikolawha u jiddisprezzaw id-dinjità tagħha.

“It-tfigħ tal-bajd fuq mara kienet xena inkwetanti ta’ dominazzjoni u umiljazzjoni li tirrifletti u tirrinforza l-poter tal-irġiel fuq in-nisa fis-soċjetà Maltija. Dan jorbot mill-qrib mar-rappreżentazzjoni kontinwa tan-nisa bħala oġġett għall-pjaċir tal-irġiel kif ukoll mal-inugwaljanza fir-relazzjoniiet bejn in-nisa u l-irġiel li jilleġittimaw u jinnormalizaw dan l-aġir,” insistiet il-Kummissjoni.

Temmet tħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jieħdu l-azzjoni neċessarja. 

More in Socjali