FAA taqbel ma' Bedingfield dwar ir-rilokazzjoni tad-dormitorju tal-AUM

Mal-ILLUM Bedingfield kien saħaq illi l-iżvilupp tad-dormitorju tal-AUM f'Bormla għandu jiġi rilokat

Fi stqarrija l-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li tinsab fi qbil totali mal-proposta tad-Deputat Laburista Glenn Bedingfield, li qed jipproponi post alternattiv għad-dormitorju tal-Università Amerikana f'Bormla. 
F'intervista mal-ILLUM ix-xahar illi għadda, Bedingfield kien sostna li għandu riżervi dwar dan il-proġett minħabba l-fatt li se jkun qed jsir bini flokk l-unika spazju miftuħ f'Bormla. Fl-istess waqt huwa kien qal li dan l-iżvilupp se jkompli jżid il-problema kbira ta' parkeġġ li teżisti fiż-żona.

Mal-ILLUM Bedingfield kien ippropona wkoll li dan l-iżvilupp isir fil-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara u l-Palazz tal-Kaptan tal-Galjuni fix-xatt tal-Birgu. Din il-gazzetta kienet żvelat ukoll li, s-sidien tal-Fortizza tas-Salvatur jinsabu lesti jinnegozjaw mal-Gvern dwar esproprijazzjoni tal-Fortizza tas-Salvatur.
Intant illum, FAA qalet li dan l-iżvilupp se jtellef l-unika spazju miftuħ fiż-żona tal-Kottonera u li dan huwa eżempju ċar tal-agħar prattika fl-Ippjanar.

"Din il-proposta għanda tiġi rrifjutata mill-awtorità kompetenti. Madankollu minkejja l-fatt li din il-proposta tikser diversi regolamenti tal-PA, l-Uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar inkarigat mill-każ qed jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-applikazzjoni fis-smiegħ tat-12 ta' Settembru li ġej,"qalet l-FAA.

More in Socjali