Film qasir Malti miktub u rreċtat minn persuni b’diżabilità

Fi Kliemna għandu l-għan li jġib l-ilħna ta’ persuni b’diżabilità fil-post fejn normalment tibda l-inklużjoni: fl-ambjent tal-edukazzjoni. 

Film qasir ġdid miktub u rreċtat minn persuni b’diżabilità għandu l-għan li jbiddel l-perċezzjonijiet billi jagħti leħen dirett lill-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom. 

L-iskritt ġie żviluppat mill-atturi nfushom, li ħafna minnhom għandhom diżabilità li tidher u oħrajn li ma tidhirx. 

Fi Kliemna għandu l-għan li jġib l-ilħna ta’ persuni b’diżabilità fil-post fejn normalment tibda l-inklużjoni: fl-ambjent tal-edukazzjoni. 

Ikkummissjonat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), il-video intwera ġewwa l-iskejjel sekondarji ta’ Malta u Għawdex, bl-atturi mbagħad imexxu sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet mal-istudenti dwar il-qasam tad-diżabilità u drittijiet. 

Permezz tal-video, numru ta’ persuni b’diżabilità ħolqu skeċċ b’xejra komika li jirrifletti realtajiet bħal kummenti insensittivi u mistoqsijiet li jiltaqgħu magħhom kuljum. 

L-istorja tlaqqgħana ma’ xjentist tan-NASA li għandu diżabilità f’ambjent ta’ klassi, l-iskript jittratta l-iskumdità li ħafna persuni jesperjenzaw madwar persuni b’diżabilità, li tvarja minn attitudni kurjuża u intrussiva għal ġentili żżejjed u patronizzanti. Joħroġ il-punt li persuni b’diżabilità huma dak li huma; persuni li inzertaw għandhom diżabilità. 

"Huwa meta tisma’ direttament mingħand persuni b'diżabilità li x’aktarx twassal għall-akbar bidla fil-mod kif jaħsbuha n-nies”, qal il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna. “Varajna l-video fl-iskejjel għaliex meta tfal b’diżabilità jkunu inklużi mill-bidu nett u jingħataw l-ispazju u l-għajnuna biex jikbru, kemm ikun ferm eħfef għalina li jkollna inklużjoni fix-xogħol u biex noħolqu relazzjonijiet fil-fond fl-iskola u fuq il-post tax-xogħol, li jservu ta’ ġid matul ħajjitna?” 

L-iskript ġie żviluppat b’kollaborazzjoni ma’ Jon Mallia fuq il-perjodu ta’ sena permezz ta’ workshops darba fil-ġimgħa fejn ġew trattati stili differenti ta’ kitba, formazzjoni ta’ karattri u reċtar. Wara, għaddejna għall-kitba tal-iskript fuq stil ta’ boiler room, fejn kull parteċipant jipprepara skript fil-ħin tiegħu stess u mbagħad il-grupp kollu jaħdem biex jirfinah. Ħafna drabi l-iskript ma jibqax jintgħaraf sal-aħħar tas-sessjoni, fejn tibqa’ biss it-tema ċentrali. 

"Il-parteċipanti kollha ġabu mill-inqas skritt wieħed li ġie eżaminat mill-grupp. Eventwalment iffukajna fuq idea waħda. Imbagħad jien ktibt l-iscreenplay fuq it-tema u komplew ħadmu aktar fuqu Abigail Mallia u Carlos Debattista,” qal Mallia, li mexxa l-workshops u l-proċess tal-kitba. 

Abigail Mallia u Carlos Debattista daħlu fix-xena meta għenu permezz ta’ workshops intensivi ta’ reċtar. Filwaqt li Mallia ħadem mal-parteċipanti fuq il-karattri, Abigail kienet id-direttur matul il-filming li sar fuq jumejn. Il-produzzjoni, workshops u ż-żjarat fl-iskejjel kienu koordinati minn Matthew Randon Sciberras. 

Il-video clip ġie miġbud fil-Maria Regina College Young Adults Education Resource Centre, Wardija School, San Pawl il-Baħar bl-għajnuna ta’ studenti tal-MCAST li ħadu ħsieb ix-xagħar u l-irtokk. 

Segwi l-filmat fuq is-sit illum.com.mt

More in Socjali