'Dejjem naraw x’nivvintaw sabiex nagħmlu l-ħajja aktar diffiċli għall-edukaturi u l-istudenti'

Fi stqarrija l-MUT tgħid li se tkun qed tagħti reazzjoni dettaljata lill-MATSEC direttament dwar ir-riforma proposta

B’reazzjoni għar-riforma proposta fil-MATSEC, Il-Union tal-għalliema l-MUT saħqet li, “f’Malta dejjem qed naraw x’nivvintaw sabiex nagħmlu l-ħajja aktar diffiċli għall-edukaturi u għall-istudenti tagħna.”

Hi qalet li għandha tħassib kbir dwar kif il-MATSEC se tkun qed tkompli tiddetermina dak li jiġri fl-istituzzjonijiet edukattivi fis-settur postsekondarju, meta skontha, “t-tibdil għandu jiġi mis-settur u l-MATSEC tirrispondi għalih bħala dak li jipprovdi s-servizz. Filwaqt li l-Unjoni Ewropea qed iżżid l-aċċessibiltà għat-tagħlim sabiex wieħed ikollu l-kwalifiki meħtieġa għad-dinja tal-lum, f'Malta għandna sitwazzjoni fejn qegħdin naraw x’nivvintaw sabiex nagħmlu l-ħajja dejjem aktar diffiċli għall-edukaturi u għall-istudenti tagħna.” 

Għall-MUT, “din hija inaċċettabbli, speċjalment jekk tasal li tbiegħed lill-istudenti mill-edukazzjoni tagħhom minħabba regoli li jidhru arbitrarji.”

Fuq ir-riforma totali, l-Union qalet li l-informazzjoni pprovduta fid-dokument konsultattiv kienet fjakka u li turi n-nuqqas ta' konsultazzjoni qabel ħareġ id-dokument. 

“Il-partijiet interessati kollha fil-fatt saru jafu biss permezz tal-media. Riformi serji ma jsirux b'dan il-mod daqstant leġġer, speċjalment meta riforma bħal din se tibdel radikalment ir-rekwiżiti fil-livell postsekondarju u terzjarju,” qalet l-MUT.

L-Union sostnit li hemm tħassib kbir dwar ħafna mit-tibdil, speċjalment fejn hu radikali. “L-assessjar kontinwu mhuwiex riflessjoni tas-sillabi tal-livell postsekondarju, m'hemmx mekkaniżmi dwar kif din ser taħdem, il-Malti u l-Ingliż ġew injorati kompletament, b'mistoqsijiet kbar dwar il-futur tagħhom”

Żiedet tgħid li, “fis-Systems of Knowledge l-edukaturi ma jafux kif ser jinbidel xogħolhom, b'tibdil drastiku fis-suġġett, u l-lingwa barranija hemm tħassib kbir dwarha peress li se tibdel l-għażliet u r-rekwiżiti tal-istudenti għal-livell terzjarju.

Dwar din tal-aħħar l-MUT qalet li taqbel li lingwi barranin għandhom ikunu rekwiżit biss sabiex student jidħol fil-livell postsekondarju.

Fl-aħħar nett, ir-riforma se tkun qed tibdel il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi fl-istituzzjonijiet postsekondarji, ħaġa li bħalissa hija ta' tħassib kbir għal dawn il-gradi, u allura l-MUT tistenna li kwalunkwe riforma ta' dan it-tip tkun diskussa magħha. L-MUT qed terġa' ttenni wkoll it-talba li diġà għamlet lill-Gvern, u li s'issa waqgħet fuq widnejn torox, biex jibdew in-negozjati tal-gradi fil-livell postsekondarju.

X’qed jipproponi l-bord tal-Matrikola?

  • Lingwa oħra barranija obbligatorja għall-istudenti ta’ wara sekondarja.
  • Tibdil kbir fis-suġġett tas-Systems of Knowledge. Aktar aspetti kulturali u assessjar b’eżami b’mod informali matul is-sena kollha.
  • Is-suġġett tas-Systems of Knowledge jibda jiġi mgħallem bil-Malti u bl-Ingliż
  • Il-proġett tas-Systems of Knowledge li kien issir fit-tieni sena se jitneħħa
  • Inċentivi akkademiċi għal dawk l-istudenti li jagħmlu attivitajiet extra kurrikulari billi jekk jagħmlu 80 siegħa mifruxa fuq sentejn, jingħataw tliet punti fiċ-ċertifikat tal-MATSEC.
  • Jonqos suġġett fil-livell intermedju għal dawk l-istudenti li jibbrillaw fl-isports u jingħataw massimu ta’ għaxar punti fiċ-ċertifikat tal-MATSEC.

More in Socjali