Aljeni jew antenati Maltin? Studju se jsolvi l-misteru tal-kranji misjuba f'Ħal Saflieni

Dawn il-kranji nstabu għexieren ta' snin ilu u madwarhom kibru diversi teoriji, stejjer u anke misteri

Se jkun qed isir studju tal-kranji umani li nstabu ġewwa l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni; sit meqjus bħala Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO.

Dan l-istudju, internazzjonali u interdixxiplinarju se jkun qed isir b’kollaborazzjoni bejn Heritage Malta, is-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti u l-Università ta’ Macquarie, f’Sydney l-Awstralja.

Fl-1926, f’deskrizzjoni qasira dwar il-kranji umani li nstabu f’Ħal Saflieni, Sir Temi Zammit kiteb illi dawn kienu pjuttost twal u kien dan li wassal għal diversi teoriji.

Uħud qalu li Zammit kien qed jirreferi għal kultura ta’ nies li kellhom it-tradizzjoni li jibdlu u jtawwlu l-kranji umani, bħal dawk tal-kultura Peruvjana.

Oħrajn saħqu li l-awtoritajiet qegħdin jaħbu dawn il-kranji biex ma jurux l-oriġini tal-antenati ta’ Malta. Xi estremisti saħansitra insistew li dawn il-kranji huma tal-aljeni.

Il-proġett intitolat ‘The Sentinels of Ħal Saflieni, Malta: Science Facts versus Science Fiction’ finalment se jkun qiegħed jagħti l-attenzjoni xierqa lil dawn il-kranji umani u se jaqta’ darba għal dejjem il-kundizzjoni u l-oriġini tagħhom.

Dan il-proġett se jinvolvi l-użu ta’ arkeoloġija tradizzjonali, riċerka storika u analiżi xjentifika biex jiġu investigati l-aspetti kollha tal-ħajja tan-nies ta’ Ħal Saflieni, fosthom is-saħħa, il-mard, l-istil tal-ħajja, id-dieta u l-profili tal-antenati tagħhom.

Il-proġett se jwettaq l-ewwel analiżi interdixxiplinari li qatt saret fuq il-fdalijiet tal-umani li rnexxielhom isalvaw (inqas minn 20 mill-prospettiv ta’ 7,000 persuna) li ġew skavati fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni; kumpless tad-dfin taż-Żmien Neolitiku (c. 4,000–2,500 QK) b’diversi livelli taħt l-art ġewwa Raħal Ġdid.

More in Socjali