Premju li jirrikonoxxi l-anzjanità attiva ... Il-pubbliku mħeġġeġ jinnomina persuni jew organizzazzjonijiet

Titħabbar edizzjoni oħra tal-Premju Anzjanità Attiva 2019

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis għal darb’oħra nieda l-Premju Anzjanità Attiva.

Decelis stqarr illi l-iskop wara dan il-premju huwa li, “nirrikonoxxu lill-anzjani, persuni oħra, u organizzazzjonijiet li jaħdmu sabiex il-prinċipju tal-anzjanità attiva ma jkunx biss diskors li nisħqu fuqu imma politika li tiġi trasmessa, u li tinħass mill-poplu Malti u Għawdxi, speċjalment mill-anzjani tagħna.”

Fil-messaġġ tiegħu, il-Professur Carmelo Borg, Chairperson tal-bord tal-għażla, saħaq li l-Premju Anzjanità Attiva jfakkarna fis-sbuħija ta’ anzjanità mgħixa b’enerġija pożittiva u f’solidarjetà mal-proxxmu. Dan il-premju jqarribna ma’ anzjani li għadhom jagħnu lil artna b’għerfhom, għemilhom u kitbithom, ħafna drabi fis-skiet u mingħajr ebda pretensjonijiet. Dan il-premju ewlieni, flimkien ma’ premjijiet oħra, iservu biex is-soċjetà mgħaġġla tagħna tieqaf u tiċċelebra waqtiet mill-ħajja t’anzjani li huma t’eżempju ta’ kif wieħed jgħix l-anzjanità. 

Waqt din l-attività, is-Segretarju Parlamentari inawgura seba’ premji: Premju Anzjanità Attiva, Premju Kopja Miżżewġa, Premju Anzjanità Akkademika, Premju Anzjanità Sportiva, Premju Mudell Ideali, Premju Anzjanità Kulturali, u Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali.

Għall-ewwel darba wkoll, qiegħed jitħabbar il-Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali, li huwa inspirat minn diversi attivitajiet li laqgħu l-element żagħżugħ ma’ dak tal-anzjanità, li ltaqa’ magħhom riċentament is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis. Dan il-premju ser jirrikonoxxi l-impatt li persuna jew organizzazzjoni tkun ħalliet fuq is-solidarjetá intergenerazzjonali. Din il-persuna, li mhux bilfors tkun anzjana, jew l-organizzazzjoni nominata, tkun bil-ħidma tagħha jew b’inizjattiva tagħha ippromwoviet is-solidarjeta inter[enerazzjonali.

L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-uffiċini tas-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, 310, Palazzo Ferreria, il-Belt Valletta, mill-kunsilli lokali jew minn fuq is-sit www.activeageing.gov.mt. Fl-applikazzjonijiet huwa importanti li dawk li qegħdin jinnominaw jiffukaw kemm jista’ jkun fuq d-dettallji tal-kontribut tal-persuni.

Wara li jimtlew, dawn l-applikazzjonijiet għandhom jintbgħatu b’mod elettroniku fuq [email protected] jew bil-posta fuq dan l-indirizz: 310, Palazzo Ferreria, il-Belt Valletta, sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Settembru 2019.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis u l-Prof Carmelo Borg ħeġġew lill-pubbliku biex jinnomina persuni jew organizazzjonijiet li jafu li jaħdmu bi sħiħ f’dan is-settur, u li jixraqilhom jkunu rikonoxxutti għall-impenn tagħhom. 

More in Socjali