'Ir-riforma tal-MATSEC għandha tiġi riveduta b’mod għaqli'

Membri mid-Dipartimenti tal-Malti u mid-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta' Malta joħorġu kontra r-riforma fil-MATSEC

Fi stqarrija d-Dipartimenti tal-Malti u membri mid-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta' Malta saħqu li r-riforma fl-edukazzjoni postsekondarja proposta mill-MATSEC saret mingħajr konsultazzjoni wiesgħa biżżejjed u għandha tiġi riveduta.

"Il-proposta tisħaq li hemm bżonn bidla strutturali sabiex l-istudenti Maltin jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu f’soċjetà Maltija li tagħmel parti minn soċjetà Ewropea. Iżda din ir-riforma proposta tagħmel bil-maqlub. Tagħlaq minflok tiftaħ. Tibqa' fil-wiċċ minflok ma tapprofondixxi," qalet l-istqarrija.

Qalu wkoll li din ir-riforma tonqos milli tagħti liż-żgħażagħ l-għarfien kulturali Ewropew u dinji u l-ħiliet ta' analiżi u espressjoni li jeħtieġu biex jgħixu, jistudjaw u jaħdmu f’Malta, f’Ewropa u f'dinja dejjem aktar kumplessa. "Din ir-riforma ċċaħħad lill-istudenti f'Malta mill-iżvilupp tal-għerf billi tenfasizza kważi esklussivament l-aspett komunikattiv, timponi fuqhom lingwa barranija tard ħafna fl-edukazzjoni tagħhom, u b’dan il-mod tnaqqsilhom l-importanza fit-tagħlim xieraq tal-ilsien nazzjonali, il-Malti, u tal-Ingliż, il-lingwa kouffiċjali ta’ Malta."

Rigward il-proposti riformi fis-suġġett tas-System of Knowledge huma qalu li din se tneħħi l-enfasi fuq il-kitba u fuq l-għarfien tal-Malti u tal-Ingliż bħala lingwi, bil-konsegwenza li l-istudenti se jmissu ma’ ftit wisq mill-ħiliet li għarfien serju tal-Malti u l-Ingliż jagħtihom biex jirnexxu fl-istudji tagħhom ’il quddiem u fid-dinja tax-xogħol.

"Il-proposta lanqas ma tispeċifika kif l-istudenti se jkunu jistgħu jagħżlu l-Malti u/jew l-Ingliż f’livell Intermedju jew Avvanzat ladarba se jinbidlu l-gruppi li l-istudenti jridu jagħżlu s-suġġetti minn fosthom. Però, jidher ċar li l-MATSEC b’din il-proposta se jnaqqas drastikament l-inċentivi biex l-istudenti jistudjaw dawn il-lingwi fil-livell Intermedju jew Avvanzat," qalet l-istqarrija.

Għalhekk skonthom dan se jwassal biex minflok ma ssaħħaħ il-Malti u l-Ingliż ir-riforma se ddgħajjifhom bil-kbir u li bosta studenti jiġu mċaħħda mhux biss mill-kitba imma anke mit-tagħlim tal-letteratura taż-żewġ lingwi uffiċjali ta' pajjiżna u li ħafna inqas studenti jitgħallmu l-Malti jew l-Ingliż f'livell xieraq u dan ikompli jfaqqar il-livell tal-Malti u l-Ingliż.

Fid-dawl ta' dan kollu huma qalu li, "l-proposta tal-MATSEC għandha tiġi riveduta b’mod għaqli wara konsultazzjoni serja."

X’qed jipproponi l-bord tal-Matrikola?

  • Lingwa oħra barranija obbligatorja għall-istudenti ta’ wara sekondarja.
  • Tibdil kbir fis-suġġett tas-Systems of Knowledge. Aktar aspetti kulturali u assessjar b’eżami b’mod informali matul is-sena kollha.
  • Is-suġġett tas-Systems of Knowledge jibda jiġi mgħallem bil-Malti u bl-Ingliż
  • Il-proġett tas-Systems of Knowledge li kien issir fit-tieni sena se jitneħħa
  • Inċentivi akkademiċi għal dawk l-istudenti li jagħmlu attivitajiet extra kurrikulari billi jekk jagħmlu 80 siegħa mifruxa fuq sentejn, jingħataw tliet punti fiċ-ċertifikat tal-MATSEC.
  • Jonqos suġġett fil-livell intermedju għal dawk l-istudenti li jibbrillaw fl-isports u jingħataw massimu ta’ għaxar punti fiċ-ċertifikat tal-MATSEC.
  •  

 

More in Socjali