Lanqas qatra xita u ħafna sħana f'Ġunju li għadda

Mhux insejtha x-xitwa! Ġunju kien xott immens u sħun, l-aktar xahar sħun mill-1923

Il-kesħa u l-maltemp li ġab miegħu Mejju dlonk intesew, hekk kif ix-xemx reġgħet feġġet fuq il-Ġżejjer Maltin f’Ġunju, u wasslet lit-temperatura medja tal-ajru biex tlaħħaq is-26.3°C. Fil-fatt, ix-xahar li għadda kien l-iktar Ġunju sħun li ġie rreġistrat fuq il-Gżejjer Maltin mill-1923 ’l hawn.

L-ewwel mewġa ta’ sħana għas-sajf meteoroloġiku laqtet il-gżejjer bejn it-8 u l-10 ta’ Ġunju. L-iktar jum sħun tax-xahar kien id-9 ta’ Lulju, hekk kif fl-eqqel tal-mewġa t-temperatura tal-ajru laħqet is-37.8°C. Kif għaddiet il-mewġa tas-sħana tal-bidu tax-xahar, il-gżejjer għaddew minn żewġ perjodi ta’ sħana oħra, meta l-medja tal-ogħla temperaturi qabżet in-norma klimatika b’5°C għal jumejn infila. L-inqas temperatura għax-xahar li għadda ġiet irreġistrata fl-ewwel jum, meta t-temperatura tal-ajru kienet 14.6°C.

Madankollu, Malta ma kinitx l-uniku pajjiż Ewropew li xaqq l-għaraq għalih das-sajf. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Meteoroloġija, it-temperatura medja li ġiet irreġistrata madwar l-Ewropa f’Ġunju qabżet il-medja b’2°C. B’hekk, Ġunju sar l-iktar wieħed sħun li qatt esperjenzat l-Ewropa. Hawn Malta, Ġunju ma kienx biss iktar sħun mis-soltu iżda kien ukoll iktar niexef, hekk kif lanqas qatra xita ma niżlet fuq il-gżejjer matul ix-xahar kollu.

Ġunju 2019 kien għalhekk wieħed minn erbgħa biss matul dawn l-aħħar 70 sena li ma rreġistrawx xita. Il-kopertura tas-sħab medja għax-xahar kienet ta’ 1.5 oktas; kemxejn inqas min-norma klimatika. Inqas sħab irriżulta f’sigħat itwal ta’ xemx tikwi għall-Gżejjer Maltin, fejn ix-xemx iddiet għal 349.9 sigħat matul Ġunju, jiġifieri 22 siegħa iktar min-norma klimatika. L-iktar jum imdawwal ġie rreġistrat nhar it-3 ta’Ġunju meta tkejlu 13.1-il siegħa ta’ xemx, filwaqt li l-15 ta’ Ġunju kien l-inqas jum imdawwal, b’7.4 sigħat ta’ xemx. Waqt li Malta gawdiet is-sħana tax-xemx sajfija, kemm il-Maltin kif ukoll it-turisti rħewlha sal-bajjiet.

More in Socjali