'Importanti li matul il-vaganzi tas-sajf il-ġenituri jqattgħu l-ħin ma’ uliedhom' jgħid il-Ministru Bartolo

Skola Sajf tiftaħ il-bibien għal 12,000 tifel u tifla u 2,000 ħaddiem

Waqt li kien qiegħed jitkellem fi żjara f'ċentru li qed joffri s-servizz ta' Skolasajf, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo appella lill-ġenituri sabiex matul ix-xhur tas-Sajf iqattgħu ħin ma’ uliedhom. Skontu inizjattivi bħal childcare, Skolasajf u Klabb 3-16, "m’għandhomx iservu biex iċedu r-responsabbiltajiet tagħhom iżda l-ewwel edukaturi għandhom ikunu l-ġenituri."

Il-Ministru żied jgħid li, "hemm bżonn nimpenjaw ruħna aktar fost l-istudenti ta’ livelli post-sekondarju u terzjarju u li nsibu mod li jieħdu sehem għal aktar ħiliet ta’ formazzjoni tagħhom u tkun t’għajnuna biex intejjbu l-esperjenza ta’ Skolasajf," sostna Bartolo. 

Għal sena oħra, Skolasajf 2019 fetħet il-bibien tagħha lbieraħ għal tfal tal-primarja u tas-sekondarja filwaqt li fit-tieni ġurnata ngħaqdu magħhom tfal li jattendu fis-snin tal-kinder. Dan is-servizz se jibqa’ għaddej għal tmien ġimgħat mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8:30 ta’ filgħodu san-12:30 ta’ waranofsinhar.

Is-servizz ta’ Skolasajf 2019 qed jiġi offrut fost 57 ċentri oħra madwar Malta u Għawdex.Dan is-servizz annwali jinvolvi l-impjieg ta’ 2,000 ħaddiem, fosthom 820 playworkers u 860 child support workers biex jieħdu ħsieb madwar 12,000 tifel u tifla.

Din is-sena, it-tema ewlenija għal Skolasajf hi ‘My Travel Journal’, li ġiet deskritta bħala vjaġġ ta’ esperjenzi li t-tfal se jakkumulaw matul it-tmien ġimgħat. Il-ħaddiema tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) ilhom xhur sħaħ jaħdmu biex kollox ikun preparat għal Skolasajf u dan jinkludi wkoll programm ta’ attivitajiet varji li jqanqlu l-kurżità għall-esplorazzjoni tal-ħajja u t-tiftix għat-tweġibiet.

‘My Travel Journal’ se joffri lit-tfal ukoll opportunitajiet li jipparteċipaw f’attivitajiet ma’ msieħba differenti li ġejjin minn kull qasam, kemm dipartimenti tal-gvern u parastatali, kumpaniji privati, assoċjazzjonijiet sportivi u anke għaqdiet mhux governattivi. Dan l-impenn jissarraf f’diversi żjarat kemm fl-iskejjel kif ukoll f’siti differenti fejn it-tfal se jfaddlu memorji kulturali, ambjentali, finanzjarji u teknoloġiċi. F’dawn l-attivitajiet it-tfal se jesperjenzaw u jitgħallmu xi tfisser iż-żamma tal-ordni, l-apprezzament tal-wirt storiku Malti, is-suċċess tal-intrapriża, l-avvanz fit-teknoloġija u r-rikkezza tal-litteriżmu.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bartolo akkumpanjat miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi Elena Borg u mill-Kap Eżekuttiv Dermot Galea ltaqgħu mat-tfal li kienu qed jieħdu sehem f’attività edukattiva dwar l-impatt negattiv tal-inkwinament tal-baħar u l-periklu li joffri dan l-iskart lill-kreaturi tal-baħar. Żaru sezzjoni oħra li titratta l-attività fiżika li tagħmel parti minn programm sportiv estensiv, liema programm hu mfassal bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni Fiżika. L-għan tal-programm sportiv hu mmirat li jrawwem fit-tfal stil ta’ ħajja attiva u li jagħrfu u japprezzaw il-benefiċċji miksuba mill-attività fiżika .

Il-Ministru Bartolo rringrazzja lill-koordinaturi ta’ Skolasajf u lil dawk kollha involuti fi ħdan l-FES tax-xogħol kollu tagħhom biex jiġi offrut dan is-servizz li joffri programm informali iżda edukattiv fejn it-tagħlim hu ta’ pjaċir u fl-istess ħin jieħdu gost jitgħallmu fuq aspetti differenti fuq il-pajjiż fejn t-tfal jiżviluppaw il-ħiliet varji tagħhom. Dan il-mod ta’ tagħlim m’għandux ikun biss fis-sajf imma matul is-sena biex it-tfal ikunu aktar interessati fl-edukazzjoni, qal il-Ministru Bartolo.  

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Francis Fabri.

More in Socjali