Inħobbu l-karozzi u nħobbu nonfqu. L-istatistika tal-UE dwarna

Din il-ġimgħa ħarġet statistika tal-Eurostat dwar il-moviment tal-Ewropej fl-Ewropa u l-movimenti minn u lejn il-kontinent. U x’jirriżulta dwar pajjiżna? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn iċ-ċifri

 

L-istatistika tal-UE dwar Malta...
L-istatistika tal-UE dwar Malta...

Malta baqgħet wieħed mill-iktar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea kollha illi għandha karozzi, ras għal ras, “unur” li fil-fatt Malta ilha żżomm għal dawn l-aħħar snin. 

Ċifri maħruġin mill-Eurostat din il-ġimgħa u li jitrattaw il-moviment tan-nies minn, lejn jew fi ħdan l-UE juru kif għal kull 1,000 resident fl-2017 f’pajjiżna kien hawn 613-il karozza, jiġifieri t-tielet l-ogħla fl-UE. Qabilna kien hemm biss il-Lussemburgu b’670 karozza kull 1,000 resident u l-Finlandja b’617-il karozza kull 1,000 resident. 

Inqas minn Malta, għalkemm viċin ħafna, hemm Ċipru b’600 karozza u l-Polonja b’593 karozza għal kull 1,000 resident. 

Għad għandna ħafna karrakki f’Malta?

Karrakka, hija karozza antika ħafna. Sa ftit żmien ilu, xena pjuttost komuni fit-toroq ta’ Malta. Imma llum x’inhi s-sitwazzjoni? 

Fl-2017, skont iċ-ċifri tal-Eurostat 7.3% tal-karozzi fit-toroq tagħna kienu ilhom inqas minn sentejn fit-toroq. Min-naħa l-oħra 9% kienu ilhom minn sentejn sa ħames snin u 24.3% kienu ilhom bejn ħames u 10 snin fit-triq. 

L-akbar numru ta’ karozzi huma fil-faxxa ta’ 10 snin jew aktar, fil-fatt 59.4% tal-karozzi f’Malta fl-2017 kellhom iktar minn 10 snin. 

B’tal-linja jaqbillek? 

Jekk inħarsu lejn in-numri jidher li l-maġġoranza assoluta tan-nies li jgħixu hawn (mhux qed ngħoddu l-ħafna turisti li jużaw it-trasport pubbliku) ma jemmnux li b’tal-linja jaqbillek. L-aħbar it-‘tajba’, jekk tista’ ssejħilha hekk, hija li din hija n-norma f’ħafna mill-pajjiżi fl-UE. 

Fil-fatt f’Malta 82.6% jużaw il-karozza privata tagħhom, dan filwaqt li huma biss 17.4% li jużaw tal-linja jew xi forma ta’ trasport ieħor. 

Fl-UE, il-medja ta’ nies li jużaw il-karozzi hija ta’ 82.9%, bejn wieħed u ieħor daqs Malta. Tal-linja tintuża minn 9.4% tal-Ewropej, filwaqt li 7.7% jużaw il-ferroviji. 

Malta tospita...

L-UE għandha prinċipju partikolari, li kif qed naraw fil-kwistjoni tal-BREXIT ma tiċċaqlaqx minnu; il-prinċipju tal-moviment ħieles tan-nies minn pajjiż tal-UE għall-ieħor. Dan il-prinċipju huwa użat ħafna minn studenti li jmorru jistudjaw f’pajjiżi oħrajn tal-UE. 

Fl-2017 kien hemm 1.7 miljun student fl-UE li mar jistudja f’pajjiż ieħor Ewropew. 

F’Malta 8.3% ta’ dawk li jinsabu fl-edukazzjoni terzjarja ġejjin minn pajjiżi oħrajn. Fil-Lussemburgu 46.7% tal-istudenti ġejjin minn pajjiżi oħrajn, f’Ċipru 21% u l-Awstrija 17%. Il-pajjiżi fejn hemm l-inqas persuni Ewropej jistudjaw fil-livell terzjarju huwa l-Kroazja b’2.9% segwit minn Spanja bi 3.2%. 

Malta tinsab fuq quddiem fejn jirrigwarda l-impjiegi u taqbeż il-medja Ewropea f’kull każ. Fil-fatt 73.9% tal-Maltin jinsabu f’impjieg, ftit iktar mill-medja Ewropea ta’ kemm jinsabu f’impjieg persuni nattivi fil-pajjiż inkwistjoni . 

80.3% ta’ dawk li ġejjin mill-UE u li jinsabu f’pajjiżna wkoll jinsabu f’impjieg, imqabbel mas-77% bħala medja fl-UE. Min-naħa l-oħra 77.3% ta’ dawk li ġejjin minn pajjiżi barra l-UE u li jinsabu Malta qegħdin f’impjieg. Il-medja fl-UE hija ta’ 59.3%. 

Mal-popli anzjani

Il-poplu Malti mhuwiex l-aktar wieħed żagħżugħ, fil-fatt huma 14.3% dawk li għandhom inqas minn 15-il sena f’pajjiżna. 

Dan ipoġġina inqas mill-Irlanda (22%), l-Estonja (18.4%), ir-Renju Unit (18.2%), Franza (18.1%) u l-Latvja (18%), fost oħrajn . 

Malta fil-fatt hija fost il-pajjiżi l-inqas li għandhom persuni ta’ 15-il sena jew inqas. Il-pajjiż bl-inqas persuni ta’ dawn l-etajiet fl-UE huwa l-Italja, bi 13%. 

Il-popolazzjoni Maltija vs dik barranija

Skont dawn iċ-ċifri, fl-2017 86% tal-popolazzjoni f’Malta kienet magħmula minn Maltin. 8.1% kienu barranin imma ċittadini tal-UE u 6% kienu ċittadini minn pajjiżi terzi. 

L-akbar persentaġġ ta’ barranin fil-popolazzjoni lokali kienet fil-Lussemburgu fejn 40.6% kienu persuni minn pajjiżi fl-UE, filwaqt li 7.2% kienu minn pajjiżi barra mill-UE. Huma ftit iktar min-nofs, jew inkella 52% tan-nies fil-Lussemburgu li kienu persuni li twieldu f’dan il-pajjiż. 

L-inqas pajjiż illi kellu barranin fil-popolazzjoni huwa r-Rumanija hekk kif 99.4% tal-popolazzjoni kienet twieldet f’dan il-pajjiż. 

L-Italja u r-Renju Unit jibqgħu l-favoriti tal-Maltin

L-Italja u r-Renju Unit baqgħu l-aktar pajjiżi popolari fostna bħala postijiet fejn inqattgħu l-ġita tagħna. 

Fil-fatt, skont iċ-ċifri li jkopru l-2017, 19.3% marru l-Italja u 19.1% marru vaganza r-Renju Unit. Dan filwaqt li 17.8% ħadu vaganza f’pajjiżna stess, probabbilment f’Għawdex jew tmiem il-ġimgħa f’xi waħda mil-lukandi f’pajjiżna. 

Il-Maltin huma fost l-aktar li jonfqu, fil-fatt għal kull darba li jsiefru l-Maltin jonfqu medja ta’ €609. 

Dan jitfa’ lil pajjiżna fuq quddiem u wara biss, l-Iżvediżi (€779), in-nies tal-Lussemburgu (€762) u l-Awstrijaċi (€636). 

L-inqas li jonfqu, forsi wkoll riflessjoni tal-qagħda ekonomika tal-pajjiż, huma r-Rumeni b’€134 kull vaganza.

More in Socjali