Casa Manresa, jew aħjar il-Kurja, tiftaħ il-bibien għall-pubbliku

Il-Kurja se tiftaħ il-bibien tagħha għal dawk li jixtiequ jaraw diversi opri ta' arti, pitturi kif ukoll l-istorja tal-binja minn fejn topera l-Knisja ta' Malta

Il-kappella tal-Kurja
Il-kappella tal-Kurja

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Kalċidonju, il-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku nhar is-Sibt 20 u l-Ħadd 21 ta’ Lulju 2019. 

Il-pubbliku hu mistieden iżur il-bini tal-Kurja li kien magħruf bħala Casa Manresa, u jara x-xogħol ta’ restawr li qed isir. Il-viżitaturi ser ikunu jistgħu jammiraw l-arkitettura Barokka u jaraw id-diversi opri tal-arti li jinsabu fis-sala tar-refettorju, fil-kurituri, fis-sagristija u fil-kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Manresa fejn hemm ir-relikwi ta’ San Kalċidonju. 

Ser isiru taħdidiet informattivi dwar l-istorja tal-Kurja tal-Arċisqof, il-pitturi li qed jiġu rrestawrati, u dwar il-ħidma pastorali u amministrattiva tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Matul dawn il-jumejn ser jittellgħu wkoll kunċerti fil-bitħa ċentrali, waqt li fis-sagristija ser tittella’ l-wirja ‘Fragments of Faith’ b’dokumenti mill-Arkivju Djoċesan li jmorru lura għas-seklu 16. Fl-ewwel sular il-viżitaturi jistgħu jaraw il-wirja ‘Sacrifice of the Lambs’, 15-il pittura tal-artist Joseph Calleja. Min jattendi jista’ jieħu sehem f’treasure hunt marbuta mal-istorja, mal-bini u mal-pitturi tal-Kurja.

Oriġinarjament magħrufa bħala Casa della Madonna di Manresa, il-Kurja tal-Arċisqof hi parti integrali mill-istorja reliġjuża u soċjali ta’ Malta. Inbniet mill-Ġiżwiti f’nofs is-seklu 18 bħala dar għall-irtiri u baqgħet tintuża mill-patrijiet għal sbatax-il sena. Meta l-Ġiżwiti rritornaw Malta fl-1860, Casa Manresa kienet tintuża bħala l-kurja provinċjali tal-Provinċja ta’ Sqallija għal seba’ snin. Huma baqgħu jużaw din il-binja sal-1918. Mill-1858 sal-1910 u mill-1921 sal-1977 serviet bħala s-seminarju djoċesan. Attwalment il-Kurja tal-Arċisqof tintuża għall-amministrazzjoni ċentrali tal-Arċidjoċesi.

Casa Manresa ser tkun miftuħa għall-pubbliku s-Sibt 20 ta’ Lulju bejn il-5pm u d-9pm, u l-Ħadd 21 ta’ Lulju bejn id-9am u s-1pm. Is-Sibt fis-7pm u l-Ħadd fl-10am ser tiġi ċċelebrata quddiesa fil-kappella tal-Madonna ta’ Manresa. Il-programm tal-Open Weekend, b’attivitajiet kull siegħa, ser ikun disponibbli online fuq il-website www.knisja.mt. 

More in Socjali