Jitnieda servizz ta’ trasport sostenibbli għall-anzjani u persuni neqsin mill-mobilità f'Għajnsielem

Imnieda t-tema tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità 2019. Rebbieħ tal-2016 jagħti bidu għal servizz ta’ trasport sostenibbli f’Għajnsielem

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis iltaqgħu mal-Kunsilli Lokali ta’ Għawdex f’Għajnsielem u nedew servizz ta’ trasport sostenibbli li se jiġi offrut mill-kunsill lokali ta’ din il-lokalità għall-anzjani u persuni neqsin mill-mobilità residenti f’Għajnsielem.

Dan wara li l-istess kunsill lokali kien ġie t-tieni fil-kompetizzjoni għall-miżuri permanenti li Transport Malta organizzat fl-2016 bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità. Permezz tal-grant ta’ €30,000 li kien ingħata mill-Awtorità, il-kunsill seta’ jixtri vann elettriku li se jkun qiegħed iwassal lil dawn ir-residenti lejn il-poliklinika matul ix-xhur tas-sajf kif ukoll għal attivitajiet oħra organizzati mill-kunsill stess minn wara s-sajf. 

“Huwa l-pjaċir tiegħi li nerġa’ nniedi l-Ġimgħa Ewropea Mobilità, li fl-2019 se jkollha t-tema Walk with Us! – Safe Walking, Safe Cycling. Bħas-sena l-oħra se jkollna żewġ kompetizzjonijiet, waħda għal attivitajiet żgħar u l-oħra għal miżuri permanenti, li diġà bbenefikaw minnha 9 kunsilli lokali differenti. Inħeġġeġ lill-kunsilli lokali kollha biex jersqu ’l quddiem bil-proposti tagħhom favur komunitajiet aktar sostenibbli fl-għażliet tat-trasport tagħhom. Ejja naħdmu flimkien favur kultura aktar nadifa fis-settur tat-trasport,” qal il-Ministru Ian Borg.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din l-inizjattiva tikkumplimenta l-viżjoni ta’ EkoGħawdex, dik li jiġu introdotti modi ġodda u alternattivi ta’ trasport b’rispett sħiħ lejn l-ambjent. Hija stqarret li d-decarbonisation starategy li qed jaħdem fuqha l-Ministeru ser tinċentiva biex jonqsu l-emissjonijiet u b’hekk inkomplu inwittu t-triq biex dawn il-miri ambizzjużi jintlaħqu. Il-Ministru Justyne Caruana ferħet lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u lil Transport Malta għal din l-inizjattiva u awgurat għal aktar kollaborazzjoni bejn il-kunsill lokali u l-gvern.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis feraħ lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem li b’fondi miksuba bis-saħħa tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità se jibda joffri servizz ta’ trasport b’xejn għall-anzjani u għal persuni b’diżabilità. Is-Segretarju Parlamentari qal li dan ikompli juri li l-kunsilli lokali llum il-ġurnata qegħdin joffru dejjem aktar servizzi liċ-ċittadini tagħhom u b’hekk qed jaqdu r-rwol tagħhom bħala dik l-awtorità li hija l-eqreb lejn iċ-ċittadin.

Is-Segretarju Parlamentari qal li dan is-servizz se jservi bħala vantaġġ ambjentali u fl-istess ħin se jkompli jżid l-inklużjoni b’mod speċjali għall-anzjani u għal persuni b’diżabilità. Huwa għalaq billi qal li hemm bżonn li aktar kunsilli lokali jibdew joffru dan it-tip ta’ servizz fil-lokalitajiet tagħhom. Dan jistgħu jagħmluh billi jieħdu sehem f’kampanji bħalma hi dik tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità.

Bħala parti mill-kompetizzjoni tal-attivitajiet żgħar, din is-sena se jkunu qed jintagħżlu ħames proposti minn kunsilli lokali u/jew NGOs biex jorganizzaw attivitajiet favur trasport sostenibbli waqt il-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru. Dawn se jingħtaw bejn €1,500 u €2,500 bħala parti minn din il-kompetizzjoni.

Il-kompetizzjoni tal-miżuri permanenti se tkun qed tara żewġ kunsilli lokali jirbħu grant ta’ €50,000 u €30,000 rispettivament.

More in Socjali