'L-abbozz juri xogħol serju iżda l-instabbiltà u l-prezzijiet eżorbitanti jridu jiġu indirizzati’

Koalizzjoni ta’ 20 għaqda attivi fil-qasam soċjali jqisu l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kirjiet Residenzjali bħala l-ewwel pass ‘il quddiem.

Koalizzjoni ta’ 20 għaqda attivi fil-qasam soċjali laqgħu l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kirjiet Residenzjali bħala l-ewwel pass ‘il quddiem. Fi stqarrija huma qalu li dan l-abbozz jintroduċi qafas ferm meħtieġ ta’ drittijiet u obbligi għall-inkwilini u għas-sidien, u huwa ċar li warajh kien hemm xogħol serju ta’ riċerka u proċess konsultattiv wiesa’.

Minkejja dan huma qalu li dan l-Abbozz jindirizza biss marġinalment il-predominanza ta’ kuntratti qosra li jwasslu għal instabbiltà mifruxa, u jonqos milli jindirizza l-kwistjoni l-iktar urġenti ta’ prezzijiet tal-kera eżorbitanti. “Iż-żieda mgħaġġla u kontinwa tal-prezzijiet tal-kera qed jitfgħu lil eluf ta’ persuni fil-prekarjat, bl-agħar milquta jkunu dawk fuq pagi u pensjonijiet baxxi u medji kif ukoll persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli bħal nisa li qed jesperjenzaw vjolenza domestika, qalet l-istqarrija.

 Skonthom, dan ifisser li għandu jsir ħafna iktar jekk il-Gvern irid li jintlaħaq l-għan, kif imniżżel fil-White Paper, li l-kera issir forma oħra ta’ akkomodazzjoni.

Apparti minn hekk, l-għaqdiet laqgħu diversi dispożizzjonijiet f’dan l-Abbozz, fosthom l-obbligu fuq is-sidien li jirreġistraw il-kuntratti u li dawn ikunu jinkludu inventorju u l-ammont tad-depożitu, kif ukoll il-miżuri dissważivi kontra min jikri mingħajr kuntratt validu. “Huwa wkoll pożittiv li l-Awtorità tad-Djar se tkun responsabbli tal-kirjiet privati residenzjali, tal-infurzar u ta’ Bord li jiddeċiedi malajr fuq tilwim żgħir. Ninnutaw b’mod pożittiv li l-inkwilini se jkunu qed jingħataw id-dritt li jaċċedu għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u li s-sidien se jkunu obbligati li jinfurmaw lill-inkwilini tliet xhur qabel jiskadi l-kuntratt jekk hux se jġeddulhom il-kirja jew le,” saħqu l-għaqdiet.

Huma saħqu wkoll li flimkien se jkomplu jinsisti fuq qafas regolatorju li joħloq aktar stabbiltà u serħan tal-moħħ għall-inkwilini u għas-sidien, jelimina d-diskriminazzjoni u jevita sitwazzjonijiet ta’ prekarjat, filwaqt li dejjem inżommu f’moħħna li akkomodazzjoni adegwata hija dritt fundamentali uman. Għalhekk, l-għaqdiet se jkunu qed jippreżentaw ir-reazzjonijiet u l-proposti tagħhom quddiem il-Kumitat Parlamentari li se jkun qed jiddiskuti dan l-Abbozz qabel ma jsir liġi. 

L-għaqdiet li qed joħorġu din l-Istqarrija Stampa huma:

 Aditus Foundation, African Media Association Malta, Alleanza Kontra il-Faqar, Forum Komunita’ Bormliża, Integra Foundation, Isles of the Left,  Koperattiva Kummerċ Ġust, Malta Gay Rights Movement, Malta Humanists Association, Malta Tenant Support, Mid-Dlam għad-Dawl, Moviment Graffitti, Platform of Human Rights Organisations in Malta (PHROM), SOS Malta, Spark 15, The Critical Institute, The Millennium Chapel, Third World Group Malta, Women’s Rights Foundation, Żminijietna – Voice of the Left.

More in Socjali