Il-President Vella jżur diversi pazjenti Maltin rikoverati fi sptarijiet f’Londra

Il-President u s-Sinjura Vella qed jiltaqgħu mal-pazjenti u l-qraba tagħhom fl-appartamenti ta’ Puttinu

Il-President George Vella
Il-President George Vella

Il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella komplew biż-żjara tagħhom f’Londra fejn qed jiltaqgħu mal-pazjenti Maltin li qed jiġu rikoverati f’diversi sptarijiet. Bħalissa hawn 58 pazjent li qed jingħataw kura f’Londra.

L-ewwel sptar li żaru kien Great Ormond Street fejn hemm rikoverati tfal li qed jingħataw kura għall-mard tal-kanċer, kundizzjonijiet tal-qalb u każi oħra t’emerġenza.  Il-President u s-Sinjura Vella żaru lill-pazjenti żgħar, li mill-bidu ta’ din is-sena kienu jaqbżu l-40 tifel u tifla għall-kura f’dan l-isptar.  Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar Mat Shaw kellu kliem t’apprezzament għaż-żjara tal-President Vella li qal hija turija tar-relazzjoni b’saħħitha li teżisti bejn Malta u r-Renju Unit.

Fl-isptar nazzjonali tan-Newroloġija, il-President u s-Sinjura Vella ltaqgħu mal-konsulent Malti Ludvic Zrinzo li ilu 20 sena jgħix u jaħdem Londra.  Mr Zrinzo huwa wieħed minn fost il-konsulenti speċjalizzati fil-kirurġija tal-mard fil-moħħ f’dan l-isptar, fejn din is-sena ġew rikoverati mat-30 pazjent Malti.  Il-konsulent Malti qal li l-fatt li l-President qed iżur lill-pazjenti Maltin f’Londra ifisser li huma mhumiex minsijin minn pajjiżhom u qed jurihom li qed jieħu ħsiebhom.

Meta żaru l-isptar ta’ Royal Marsden f’Sutton, ftit ’il barra minn Londra, il-President u s-Sinjura Vella ltaqgħu mal-pazjenti li jingħataw kura għal-leukaemia, li mill-bidu tas-sena kienu jammontaw għal madwar 20 li jvarjaw bejn tfal u adulti. Huma kellhom iċ-ċans ukoll li jitkellmu kemm mat-tobba u infermiera Maltin li jaħdmu f’dan l-isptar. Il-konsulent Dr Mark Ethell wera sodisfazzjon għall-apprezzament li qed juru l-pazjenti Maltin li għandhom fiċudja assoluta fil-kura mogħtija mit-tobba u l-infermiera tal-isptar Royal Marsden.

Min-naħa tiegħu, il-President George Vella kellu kliem ta’ tifħir għall-impenn li qed juru l-kirurgi, l-infermiera u l-ħaddiema ta’ dawn l-isptarijiet.  Huwa radd ħajr għall-isforzi li qed jagħmlu ta’ kuljum biex il-pazjenti Maltin ikollhom l-aqwa kura possibbli u tama għall-fejqan fl-iqsar żmien possibbli.

Filwaqt li għada se jkomplu jżuru iktar sptarjiet, il-President u s-Sinjura Vella qed jiltaqgħu mal-pazjenti u l-qraba tagħhom fl-appartamenti ta’ Puttinu, kif ukoll għand is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù f’Londra.

More in Socjali