Nature Trust tfaħħar l-impenn tal-każini li waqfu l-użu tal-bżieżaq fil-festi

Faħħret ukoll l-impenn ta' diversi kumpaniji u anke l-ġesti żgħar ta' diversi individwi

Marċ tal-Għaqda Mużikali Sant'Andrija ta' Ħal Luqa
Marċ tal-Għaqda Mużikali Sant'Andrija ta' Ħal Luqa

Nature Trust Malta faħħret l-impenn li daħlu għalih diversi każini tal-banda biex f’dan l-istaġun tal-festi ma jagħmlux użu mill-bżieżaq bil-għan li jitnaqqas l-użu tal-plastik li jintuża darba biss.

Fi stqarrija, Nature Trust tinnota b’sodisfazzjon li anke kumpaniji, kbar u żgħar, qed jaħdmu u jieħdu passi biex inaqqsu l-użu tal-plastik, filwaqt li 39 kunsill lokali qablu li ma jagħmlux użu minn bżieżaq u konfetti waqt l-attivitajiet organizzati minnhom.

Nature Trust faħħret il-fatt li qed tiżdied aktar il-kuxjenza, fost individwi, li minn jeddhom, anke jekk b’ġesti żgħar, qed jagħżlu li jnaqqsu l-użu ta’ plastik li jintuża darba biss, billi jevitaw l-istraws u anke jużaw basktijiet tad-drapp meta jmorru jixtru.

Appellat biex din il-kuxjenza tkun akkumpanjata minn kampanja edukattiva b’saħħitha li tispjega l-impatt li għandu dan it-tip ta’ plastik.

Fakkret li hi stess ilha sitt snin teduka l-istudenti fl-iskejjel dwar dan u fi kliemha, il-kampanja, anke permess ta’ EkoSkola, qed tħalli l-impatti tagħha.

Kompliet tisħaq kif apparti l-impatt estetiku, hi stess qed tiltaqa’ ma’ diversi speċi li jsibu ruħhom f’diffikultà minħabba plastik mormi fil-baħar, fosthom fkieren, hedgehogs li nstabu mwaħħla f’kontejners u sriep fi fliexken.

More in Socjali